Il-finali tat-Tazza tar-Re li se tintlagħab fil-21 ta’ April li ġej se tkun ikkontestata bejn il-holders Barcelona u Sevilla. Dan wara li tard il-Ħamis filgħaxija Barcelona rebħu 2-0 barra minn darhom kontra Valencia biex b’hekk aggregate ta’ 3-0.
Il-Katalani marru fil-vantaġġ fid-49 minuta meta kien il-playmaker COUTINHO li daħal bħala sostitut li sab ix-xibka wara li rċieva mingħand Luis Suarez.
Dan kien l-ewwel gowl ta’ Coutinho ma’ Barcelona sa minn meta dan ingħaqad magħhom matul Jannar. Ta’ min jinnota li meta fl-2013 kien skurja l-ewwel gowl tiegħu mal-eksklabb tiegħu Liverpool kien l-istess Suarez li pprovdielu l-ballun.
Sitt minuti mit-tmiem RAKITIC issiġilla l-partita b’gowl ieħor biex issa jerġgħu jilagħbu kontra Sevilla, it-tim li kien lagħab kontrihom fil-finali tal-istess kompetizzjoni fl-2016. Dakinhar Barcelona kienu rebħu l-logħba bi skor ta’ 2-0. Is-sena li għaddiet Barcelona rebħu wkoll din it-tazza meta fil-finali għelbu lil Alaves 3-1.
Barcelona għadhom qed jittamaw fit-‘Treble’ hekk kif jinsabu fl-ewwel post tal-kampjonat u fil-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League.
Minn naħa tagħhom Sevilla ikkwalifikaw għall-finali ta’ din is-sena wara li fis-semifinali eliminaw lil Leganes b’aggregate ta’ 3-1.
//= $special ?>