L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM qed tinsisti dwar trasparenza fl-għoti tal-appuntamenti fl-outpatients. F’ittra lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, il-MAM talbet li ssir investigazzjoni dwar rapporti li paġna fuq Facebook “Laburisti sal-Mewt” se twassal għal diskriminazzjoni fost il-pazjenti.
Il-MAM esprimiet id-disponibilta’ tagħha sabiex l-appuntamenti li tħassru minħabba l-azzjoni industrijali ta’ nhar it-Tnejn, jiġu assenjati sa mhux iktar tard minn erba’ ġimgħat filwaqt li oħrajn ta’ natura urġenti jingħataw preċedenza permezz tal-proċeduri uffiċjali.
Fid-dawl ta’ ċertu rapporti, il-MAM qed tinsisti li l-proċess tal-għoti tal-appuntamenti mill-ġdid ikun trasparenti u li jintużaw proċeduri uffiċjali li jkunu pubbliċi.
Il-MAM talbet lill-membri biex jivverifikaw il-proċess mal-pazjenti u jirriżerva d-dritt li juża l-mezzi legali kollha f’każ ta’ irregolaritajiet.
Iktar tard matul il-ġurnata, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei kiteb lill-MAM. F’email, li kienet ikkuppjata lill-mezzi tax-xandir, Ivan Falzon qal li l-Isptar Mater Dei għandu channel wieħed uffiċjali biex jibbukkja appuntamenti fl-outpatients u hekk se jibqa’ fl-iskedar mill-ġdid ta’ appuntamenti li ntilfu minħabba l-azzjoni industrijali.
L-Appuntamenti saru skont il-policy ta’ appuntamenti ikkanċellati fl-aħħar ħin, policy li ilha hemm għal ħafna snin u li tassenja appuntamenti skont il-ħtiġijiet kliniċi.
//= $special ?>