Internazzjonali

Żjara storika fil-Korea t’Isfel

Kim Yo-jong (xellug), u Kim Young-nam (lemin), mal-wasla fl-ajruport ta' Incheon, fil-Korea t'Isfel.

Hemm attenżjoni kbira bħal mistenni għaż-żjara ta’ Kim Yo-jong , oħt il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un, fil-Korea t’Isfel għall-ftuħ tal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa f’Pyeongchang.
Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, Mike Pence, ma preżentax ruħu għal ikla li saret fi Pyeongchang fejn hu kellu jkun fuq l-istess mejda ma’ Kim Yong-nam, il-Kap tal-Istat ċerimonjali tal-Korea ta’ Fuq.
Fil-preżent qed tingħata attenzjoni kbira lill-Olimpjadi tax-Xitwa li qed ikunu organizzati fi Pyeongchang u waqt li Pence u Kim Yong-nam kienu qrib ta’ xulxin f’ħin partikulari qabel bdew il-logħob, huma pruvaw jevitaw li jiffaċċjaw lil xulxin direttament.
Kim Yo-jong hi l-aktar membru tal-delegazzjoni Koreana komunista bi profil għoli minbarra li hi wkoll l-ewwel membru tal-familja li qed tmexxi lill-Korea ta’ Fuq li żaret il-Korea t’Isfel miż-żmenijiet tal-Gwerra Koreana tal-1950-53.
Din il-mara, li hi qrib ħafna ta’ ħuha, Kim Jong-un u li jaħsbu li għandha madwar 30 sena, ingħatat post fil-politburo influwenti ta’ Pyongyang proprju s-sena l-oħra. Iż-żjara tagħha fil-Korea t’Isfel qed titqies bħala sinjal li Kim Jong-un ‘irid bis-serjetà’ li jtejjeb ir-relazzjonijiet mal-ġar.
Madankollu, Kim Yo-yang hi mniżżla fuq lista tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti minħabba allegati rabtiet mal-abbużi tad-drittijiet umani fil-Korea ta’ Fuq.