Stewart Said
BALZAN…………….1
FLORIANA…………1
Balzan reġgħu tilfu żewġ punti importanti meta għat-tieni logħba konsekuttiva spiċċaw fi draw, din id-darba kontra Floriana. Partita bilanċjata, hekk kif Floriana kienu aħjar fl-ewwel taqsima u meritatament marru minn fuq. Huma bdew jippressaw għoli u bdew jagħmluha diffiċli għal Balzan. Iżda fit-tieni taqsima, il-leaders għollew ir-ritmu u ħadu r-riedni b’għadd ta’ okkażjonijiet.
B’dan ir-riżultat, il-vantaġġ ta’ Balzan jista’ jinżel għal punt jekk Valletta jirbħu għada kontra Lija Athletic, filwaqt li Birkirkara issa jinsabu ħames punti taħthom. Floriana issa telgħu bi 33 punt.
Erba’ bidliet għal Balzan li kellhom lill-kowċ Marko Micovic sospiż. Ivan Janjusevic irritorna fil-lasta flok Sean Mintoff, Bruno Giglio de Oliveira beda fid-difiża flok Michael Johnson, filwaqt li Ryan Fenech u Alfred Effiong bdew flok is-sospiżi Milos Lepovic u Uros Ljubomirac rispettivament. Fuq in-naħa l-oħra, ebda bidla għal Floriana, bil-kowċ Nicolas Chiesa jħalli l-istess tim li għeleb lil Ħamrun.
Floriana ħolqu l-ewwel periklu tal-logħba wara 16-il minuta, b’xutt djagonali mid-distanza ta’ Nayar li kien imdawwar f’korner minn Janjusevic. Il-Furjaniżi marru minn fuq fil-35 minuta meta Nayar għadda lil Mario FONTANELLA li b’azzjoni personali evita ż-żewġ difensur avversarji u b’xutt bix-xellug fil-baxx tefa’ wara Janjusevic fir-rokna tax-xibka.
Balzan ħarġu aktar aggressivi fil-bidu tat-tieni taqsima biex isibu l-gowl. L-ewwel ċans għalihom wasal fit-48 minuta meta Bozovic krossja mil-lemin lejn Alfred Effiong li prova b’xutt bid-dawra iżda Ini Akpan kien attent u salva tajjeb.
Ċans tajjeb għal Floriana fl-54 minuta meta Nayar għadda ballun mal-art fit-tul lejn Mario Fontanella, li daħal fil-kaxxa iżda x-xutt finali għadda barra. Minuta wara reġa’ kien Nayar li krossja mix-xellug lejn Fontanella, iżda t-tentattiv tal-attakkant kien salvat mill-gowlkiper avversarju.
Balzan setgħu faċilment ġabu d-draw fis-57 minuta. Alfred Effiong fetaħ id-difiża ta’ Floriana meta għadda min-nofs u ġie prattikament wiċċ imb wiċċ ma’ Akpan, iżda x-xutt tiegħu ġie salvat. Madankollu Balzan ġabu d-draw tliet minuti wara.
Kien Alfred Effiong li għadda lejn Carlos DE FIORI MENDES li għeleb in-nasba tal-offside u b’xutt b’saħħtu minn qagħda ideali għeleb lil Akpan. Dan il-gowl qajjem protesti kbar mill-plejers u l-bankina ta’ Floriana, iżda r-ripetizzjoni wriet li Dylan Grima kien qed iżomm lil de Fiori Mendes fl-attakk.
Balzan kellhom l-inizjattiva u fit-72 minuta reġa’ kellhom azzjoni oħra perikoluża. Kaljevic għadda ballun fit-tul lejn Effiong li għadda bil-ġirja iżda x-xutt djagonali ta’ Effiong għadda ftit barra.
Okkażjoni oħra għal Balzan sitt minuti wara. Din id-darba kien Effiong li sab lil Kaljevic bi kross tajjeb, l-attakkant Montenegrin għeleb lil Akpan b’daqqa ta’ ras iżda Enzo Ruiz kien fil-pożizzjoni t-tajba biex biegħed il-ballun minn fuq il-linja.
Balzan pruvaw ifittxu l-gowl tar-rebħa fl-aħħar mumenti iżda d-difiża avversarja żammet sod.
//= $special ?>