Futbol Sport

FUTBOL – Il-jum li fih kien hawn it-trofew tat-Tazza tad-Dinja f’Malta

Dan l-aħħar, f’Malta kien hawn għall-wiri t-trofew tat-Tazza tad-Dinja. It-trofew inġieb f’Malta bħala parti mill-‘FIFA World Cup Trophy Tour’ organizzat mill-kumpanija Cola Cola’.

L-avveniment kien parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed torganizza l-Fondazzjoni Valletta 2018 fl-okkażjoni li l-Belt Valletta se tkun il-Belt kapitali Ewropea tal-Kultura.

Kien eżatt fl-10.30am tal-10 ta’ Frar meta l-ajruplan li kien qed iġorr it-trofew prestiġjuż tat-Tazza tad-Dinja niżel fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta. L-ajruplan wasal permezz ta’ titjira diretta mill-belt ta’ Baku fl-Ażerbajġan.

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, akkumpanjata miċ-Chief Operating Officer tal-kumpanija General Soft Drinks Co Ltd Maria Micallef telgħu abbord fejn kienu milqugħa mill-Ambaxxatur tal-FIFA Christian Karembeu. Dan tal-aħħar, fl-1998, bħala plejer, kien rebaħ it-Tazza tad-Dinja mat-tim nazzjonali ta’ Franza.

Mill-ajruport it-trofew mar is-suq fil-Belt Valletta fejn hemm setgħu jieħdu ritratti miegħu mijiet ta’ partitarji tal-futbol li kienu qed jistennew dan l-avveniment b’ħerqa kbira.

It-trofew tat-Tazza tad-Dinja beda l-vjaġġ tiegħu f’Settembru tal-2017 fir-Russja u se jżur aktar minn 50 pajjiż f’sitt kontinenti, u fid-disa’ xhur ta’ qabel it-Tazza tad-dinja ser ikun ivvjaġġa madwar 126,000 kilometru.

Din hi-raba’ darba li qed ikun organizzat dan it-tour tat-trofew tat-Tazza tad-Dinja madwar diversi pajjiżi imma għalina l-Maltin din kienet l-ewwel darba li rajna dan it-trofew fostna. Ta’ min jinnota li t-trofew li kien hawn għall-wiri hu t-tieni trofew fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja.

L-ewwel trofew kien iġib l-isem tal-eksPresident tal-FIFA Jules Rimet. Dan dam jintuża mill-1930 sal-1970 meta dakinhar ingħata lit-tim tal-Brażil wara li dawn rebħu l-kompetizzjoni tliet darbiet u b’hekk kellhom id-dritt li jżonnuh għal dejjem. It-trofew kien insteraq fl-1983 u qatt ma reġa’ nstab.

Fl-1974 beda jintuża t-trofew li kien hawn Malta fl-10 ta’ Frar, trofew li jiżen 6.1kg u li kien iddisinjat mill-iskultur Taljan Silvio Gazzaniga.

L-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena se tibda fl-14 ta’ Ġunju u tintemm bil-finali li tintlagħab fil-15 ta’ Lulju.

L-aħħar tim li rebaħ il-kompetizzjoni kien dak tal-Ġermanja meta erba’ snin ilu dawn għelbu lill-Arġentina fil-finali li saret fil-Brażil.