Lokali

Il-Pulizija jafu min hi li serqet karozza minn Raħal Ġdid u fliexken tax-xorb mill-Ħamrun imma ma jistgħux isibuha

Il-mara li fid-29 ta’ Jannar li għadda nqabdet minn kameras tas-sigurtà tisraq minn vettura faċċata tal-għassa ta’ Raħal Ġdid, u saħansitra serqet karozza oħra pparkjata eżatt quddiem l-għassa hi magħrufa mal-Pulizija.

Net News jista’ jikkonferma li l-Pulizija identifikaw lill-mara, li għandha 34 sena minn Ħaż-Żabbar iżda residenti l-Imsida. Madankollu jirriżulta li diversi tentattivi biex tinstab il-mara fallew.

Hu maħsub li hi l-istess tfajla li l-Erbgħa serqet żewġ fliexken tal-alkoħol li jiswew il-flus minn ħanut tax-xorb li jinsab fi Triq Manwel Magro, fil-Ħamrun. Meta sabet tnejn mill-iktar fliexken li jiswew flus, hi ddaħħal dawn il-fliexken taħt il-flokk, bil-moħbi.

Il-mara hi magħrufa li għandha problema ta’ xorb u dipendenza mid-droga. Fl-2007 tressqet il-Qorti flimkien ma’ raġel ieħor akkużata b’serq ta’ laptop waqt li fl-2016 hi u l-istess raġel ammettew li serqu karozza bl-iskop li jintbagħtu għal programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga. Dan minbarra diversi każi oħra ta’ serq.