Internazzjonali

Jitwaqqa’ fighter-jet ta’ Iżrael wara attakk fuq is-Sirja

Ajruplan militari ta’ Iżrael iġġarraf meta ntlaqat mill-isparar tas-sistemi tad-difiżi tas-Sirja u wara offensiva mill-Iżraeljani kontra ‘miri Iranjani’ fit-territorju Sirjan.

Iż-żewġ piloti tal-ajruplan – fighter-jet tat-tip F-16 – irnexxielhom jaqbżu bil-paraxut qabel it-tiġrif f’zona lejn it-Tramuntana ta’ Iżrael. Din hi l-ewwel darba li Iżrael qatt tilef ajruplan militari fil-konflitt mas-Sirja.

Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani mexxew l-offensiva wara li d-difiżi ta’ Iżrael kienu interċettaw drone ‘tal-Iranjani’ immirat għal pajjiżhom. Stqarrija Iżraeljana qalet li ħelikopter irnexxielu jinterċetta d-drone ‘li kien ġej mis-Sirja u li infiltra l-ispazju ta’ Iżrael’.

Min-naħa tagħha, is-Sirja akkużat lil Iżrael dwar ‘aggressjoni’, bl-Iżraeljani jwettqu numru ta’ attakki fuq artha.

Il-Qawwiet tad-Difiża ta’ Iżrael aktar tard qalu li laqtu ‘interessi tal-Iran li jinkludu entitajiet militari fis-Sirja’.

Filwaqt li mhumiex daqstant rari l-attakki mill-Iżraeljani fuq artijiet tas-Sirja, it-telfa ta’ fighter-jet ta’ Iżrael għandha tindika ‘eskalazzjoni serja’ f’din is-sitwazzjoni delikata.