Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER – It-tmien rebħa konsekuttiva għal B’Kara

George Cassar

BIRKIRKARA………………….2
SLIEMA WANDERERS……1

Ir-rinaxximent ta’ Birkirkara f’dan il-kampjonat kompla hekk kif ilbieraħ kisbu t-tmien rebħa konseukttiva. Ikompli wkoll il-mument pożittiv tal-plejer tagħhom Jake Grech li lbieraħ kien l-eroj Karkariż b’żewġ gowls u issa qed iħabbat bil-qawwi l-bieb tat-Tim Nazzjonali Malti.

Għal Birkirkara ddebutta l-akkwist ta’ Jannar mingħand Kerċem Ajax Ognjen Rolovic li laħaq żgur l-aspettattiva għax kien ferm attiv fl-attakk u kien hu li pprovda l-blalen lil Jake Grech għaż-żewġ gowls Karkariżi, apparti li hu stess resaq ukoll qrib il-gowl lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima.
Il-kowċ John Buttigieg ta fiduċja sħiħa għall-ewwel darba mill-bidu liż-żagħżugħ ta’ tmintax-il sena Kurt Shaw li lagħab bħala difensur ċentrali f’koppja ma’ Stefano Biancardi. Fit-tieni taqsima daħlu jilagħbu żewġ debuttanti: Ayrton Azzopardi li ġie akkwistat mingħand Tarxien Rainbows u iktar tard il-Franċiż Killian Amehi.

Birkirkara marru fil-vantaġġ f’nofs l-ewwel taqsima. Ognjen Rolovic qabad ballun mix-xellug, qabeż lil Frank Temile u John Mintoff qabel tefa’ għan-nofs lejn Jake GRECH li kien qabel Matias Muchardi u tefa’ wara l-gowlkiper Glenn Zammit.

Sliema skurjaw il-gowl tal-parità wara għaxar minuti mill-bidu tat-tieni taqsima meta Edmond Agius ippersista b’azzjoni fl-attakk bil-ballun jispiċċa għand Nicolae MILINCEANU li kien waħdu u skurja fuq in-naħa xellugija tal-gowlkiper Kristian Naumovski. Dan kien l-ewwel gowl li sofrew Birkirkara wara seba’ partiti konsekuttivi fil-kampjonat.

Il-Wanderers għal ftit ma marrux huma minn fuq qrib is-sebgħin minuta iżda Peter Xuereb tefa’ għoli bir-ras minn pożizzjoni ċentrali.

Fl-azzjoni ta’ wara kienu Birkirkara li skurjaw il-gowl tar-rebħa. Reġa’ kien Rolovic li ħoloq il-gowl meta ta pass fit-tul lejn Jake GRECH li ssupera lil Mintoff u lill-gowlkiper Zammit u skurja t-tmien gowl staġjonali biex b’hekk issa sar l-aqwa skorer ta’ Birkirkara tal-kampjonat s’issa.

Is-Slimiżi ma rreaġixxewx wisq u l-Karkariżi qatt ma kienu f’riskju li se jitilfu l-punti. Il-ġimgħa d-dieħla ż-żewġ naħat għandhom l-impenn fl-FA Trophy fejn Birkirkara jaffaċċjaw lil Qrendi filwaqt li Sliema għandhom għadma iktar iebsa f’konfront kontra Hibernians.