Lokali

Kumpless ta’ garaxxijiet f’Ħal Balzan jegħreq bl-ilma tax-xita

Kumpless ta’ garaxxijiet f’Ħal Balzan huwa wieħed mill-postijiet li spiċċa milqut mill-għargħar wara li għereq bl-ilma tax-xita wara l-maltemp ta’ bejn ilbieraħ u llum.

Fi stqarrija, is-St. John Rescue Corps qal li ġew imsejħa biex jassistu f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ b’għajnuna lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta.

Waħda mill-operazzjonijiet tagħhom saret f’dan il-kumpless ta’ garaxxijiet, b’ħidma u impenn biex jitneħħa l-ilma.

Is-St. John Rescue Corps qal li sa nofsinhar kienu diġà ħarġu tliet trakkijiet bi tliet timijiet ta’ voluntiera biex jassistu f’diversi postijiet, fosthom dan il-kumpless ta’ garaxxijiet f’Ħal Balzan. Apparti operazzjonijiet relatati m’għargħar, it-timijiet tas-St. John Rescue Corps assista wkoll fit-tneħħija ta’ diversi ostakoli mit-toroq Maltin.