Lokali

L-awtoritajiet jgħidu li m’hemmx riskju ta’ tniġġiż mill-vapur li nkalja dalgħodu

Il-vapur se jkun irkuprat wara li jitjieb it-temp

Skont Transport Malta, m’hemmx riskju ta’ tniġġis mill-vapur li nkalja dalgħodu fil-Qawra peress li t-tanker ma kellux merkanzija abbord. Lanqas m’hemm riskju li jinfirex madwar 4 metri kubi ta’ fuel abbord il-bastiment.

Fi stqarrija, Transport Malta qalet li t-tim kontra t-tniġġis fil-baħar tagħha, flimkien mal-Protezzjoni Ċivili u l-Pulizija ilhom minn dalgħodu fuq is-sit u qegħdin iwettqu moniteraġġ kontinwu tal-vapur ‘Hephaestus’, tanker ta’ 60 metru rreġistrat it-Togo, li nkalja dalgħodu fil-Qawra, minħabba l-maltemp.

L-istqarrija żżid li l-ekwipaġġ jinsab fuq l-art u ‘l bogħod mill-periklu. Jirriżulta li t-tanker ma kellux merkanzija abbord u m’hemmx biża’ ta’ xi tniġġis. Il-bastiment għandu madwar 4 metri kubi ta’ fjuwil abbord iżda m’hemmx periklu li jinfirex. Transport Malta żiedet li uffiċjali mill-ERA qegħdin jissorveljaw is-sit ukoll biex jevitaw li ssir xi ħsara ambjentali.

L-awtoritajiet qegħdin jinvestigaw l-inċident u qegħdin ifasslu pjan biex jirkupraw il-vapur wara li l-kundizzjoni tat-temp titjieb.