Internazzjonali

L-Irlanda: President ġdid tas-Sinn Fein minflok Gerry Adams

Mary Lou McDonald hi l-Kap ġdid tal-Partit Sinn Fein tal-Irlanda. Hi qed tieħu post il-politiku veteran Gerry Adams, li dam is-snin sinonimu mal-politika delikata tal-Irlanda ta’ Fuq u li kien ilu jmexxi lis-Sinn Fein għal kważi 35 sena.

McDonald kienet eletta kap tal-partit b’vot formali waqt konferenza speċjali tal-partit f’Dublin. Intant, Michelle O’Neill  kienet ikkonfermata bħala l-Viċi-President tas-Sinn Fein.

McDonald, li għandha 48 sena, qalet li tħoss sens ta’ umiltà għall-fatt li hi qed tmexxi ‘l-akbar u l-aktar partit politiku antik tal-Irlanda.

Gerry Adams, li għandu 69 sena, kien ħabbar l-intenzjoni tiegħu biex ma jkomplix fir-rwol f’Novembru li għadda, bil-pass jindika ‘bidla ta’ ġenerazzjoni’ fit-tmexxija tas-Sinn Fein.

Hu jibqa’ fost l-aktar politiċi prominenti tal-Irlanda ta’ Fuq u jħalli warajh wirt politiku li ‘jifred sew lill-opinjoni pubblika’. Adams, issa,  esprima fiduċja li t-tmexxija ġdida tas-Sinn Fein se tagħmel il-partit aktar b’saħħtu filwaqt li fakkar li din l-entità politika kienet ‘illegali’ fiż-żmien meta hu kien issieħeb magħha.

Il-bidla fit-tmexxija tas-Sinn Fein qed issir kważi 20 sena wara l-Ftehim Storiku tal-Ġimgħa l-Kbira ( għall-Irlanda ta’ Fuq) tal-1998 u meta dan hu anki żmien ta’ inċertezza kbira għall-provinċja.