Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li mhux se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali, b’Muscat iżid li xejn mhu se jbiddillu fehmtu. Hu kien qed jitkellem fuq il-programm ‘Għandi xi Ngħid’ preżentat mill-Professur Andrew Azzopardi fuq Radju Malta.
Il-preżentatur fakkar li Muscat kien qal li se jdum fil-politika għal leġislatura fl-Oppożizzjoni u żewġ leġislaturi fil-Gvern, u staqsih jekk għadux se jżomm ma’ din id-deċiżjoni.
“Int x’se tagħmel, se tieqaf? Se żżomm ma’ dik (id-deċiżjoni), jew jista’ jkun hemm ċirkostanzi li jikkonvinċuk biex terġa’ taħsibha?”, staqsih Andrew Azzopardi. “M’hemm l-ebda ċirkostanza li nbiddel il-fehma tiegħi”, iddikkjara Muscat fit-tweġiba tiegħu.
Waqt il-programm, il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll dwar il-tilwima bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, li qed tordna azzjonijiet industrijali talli l-Gvern privatizza l-isptarijiet mingħajr avviż ta’ sitt xhur kif suppost skont il-ftehim kollettiv.
Flok ta kelma li jilħaq ftehim mal-MAM, il-Prim Ministru saħansitra tefa’ dubju dwar jekk l-azzjonijiet tal-MAM humiex legali.
“Illum qegħdin nitkellmu jekk għandhomx jidħlu l-Amerikani jew jekk għandhomx jibqgħu il-VGH. Aħna għedna, u tajna l-kunsens biex jibqgħu l-Amerikani. U ngħid jien, dak li qed jgħidu l-MAM f’ċertu waqtiet, għandi dubju b’saħħtu dwar kemm huwa legalment possibbli”, qal Muscat.
Waqt il-programm il-Prim Ministru ma eskludiex il-possibiltà li jsir referendum dwar Kostituzzjoni ġdida għal Malta.
Muscat qal li bħalissa qed titħejja struttura biex tkun tista’ taħdem dwar riforma fil-Kostituzzjoni. Hu qal li ladarba jkun hemm qbil bejn il-partiti politiċi dwar x’tibdiliet għandu jkun hemm, imbagħad id-diskussjoni tinfirex ma’ gruppi u entitajiet oħra.
Dwar kif jidħlu fis-seħħ il-bidliet fil-Kostituzzjoni, il-Prim Ministru qal li ma jeskludix li jkun hemm referendum għal mandat ta’ “kostituzzjoni ġdida jew b’ħafna elementi ġodda”.
“Jekk ikun hemm sitwazzjoni ta’ bżonn ta’ mandat b’saħħtu, ma neskludix lanqas referendum f’mument minnhom għal mandat għal Kostituzzjoni ġdida jew b’ħafna elementi ġodda”, ħabbar il-Prim Ministru.
Bħal kif għamel fl-aħħar xhur u snin, waqt il-programm Muscat iddefenda lill-Ministru Konrad Mizzi minkejja l-iskandli kollha żvelati dwaru, u qal li fejn kellhom jittieħdu azzjonijiet kontrih, ittieħdu.
//= $special ?>