Għawdex Lokali

ARA: Satira u spontanjetà fil-Karnival tan-Nadur

Karnival Spontanju fin-Nadur Għawdex ikompli jiġbed lejh eluf ta’ persuni, fosthom turisti mhux biss Maltin, li ġew fil-gżejjer Maltin apposta għal dan il-Karnival spontanju.

Il-Karnival fin-Nadur beda l-Ġimgħa filgħaxija u minkejja t-temp xitwi, ġibed lejh eluf ta’ persuni, bil-karnival is-Sibt ġibed folla ferm ikbar minkejja li x-xita ma waqfet xejn matul il-ġurnata.

Il-Karnival tan-Nadur spikka bin-numru ta’ kostumi partikolari u b’uħud jinkludu s-satira. Spikkaw diversi karattri, fosthom dawk tal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq u l-President Amerikan Donald Trump.

Is-Sibt filgħaxija Net Television għamel xandira speċjali Live tal-Karnival tan-Nadur, fejn dawk li ma’ setgħux ikunu n-Nadur, segwew il-karnival tan-Nadur mill-kumdita’ ta’ darhom. Ix-xandira kienet preżentata minn Doriana Portelli u l-preżentatur John Busuttil li kienet tinkludi diversi intervisti u naturalment ħafna kostumi, maskri u karrijiet tal-Karnival b’messaġġ umoristiku.

Il-Karnival fin-Nadur mistenni jibqa’ għaddej sa nhar it-Tlieta, li huwa wieħed mill-aktar attivitajiet kulturali popolari fil-Gżejjer Maltin.

Ritratti: Anaca Photography