Il-Prim Ministru Joseph Muscat kompla jwebbes rasu li ma jiddiskutix mat-tobba dak li qed jistrajkjaw dwaru – jiġifieri l-bejgħ tal-isptarijiet u t-trasferiment tal-konċessjoni.
Meta dalgħodu kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, il-Prim Ministru kien mistoqsi dwar it-tilwima industrijali bejn il-Gvern u t-tobba, bil-Prim Ministru jinsisti li fin-negozjati mal-MAM, ma jridx jiddiskuti dak li ġie deċiż diġà – jiġifieri l-bejgħ tal-isptarijiet u t-trasferiment tal-konċessjoni mingħand Vitals Global Healthcare għal għand Steward Healthcare.
“Is-soluzzjoni trid tkun ibbażata mhux fuq il-passat. Mhux kwistjoni ta’ x’ġara fil-passat, għax fil-passat hemm ftehim u hemm deċiżjonijiet li ttieħdu. Imma fuq il-futur”, qal il-Prim Ministru.
Din il-pożizzjoni, li l-Gvern ta’ Joseph Muscat lanqas biss irid jiddiskuti dak li dwaru qed jiġu ordnati l-azzjonijiet industrijali, iqajjem biża’ li l-MAM tordna azzjonijiet industrijali.
Dan hekk kif jumejn ilu, il-MAM ivvutat favur azzjonijiet industrijali aktar ħorox jekk in-negozjati mal-Gvern ma jirnexxux. Id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MAM mistennija jkomplu fil-bidu tal-ġimgħa.
It-tobba, permezz tal-MAM (l-Assoċjazzjoni Medika Maltija) diġà ordnaw numru ta’ azzjonijiet industrijali fl-Outpatients u fiċ-Ċentri tas-Saħħa, fi strike li wassal biex kellhom jitħassru mijiet ta’ appuntamenti u operazzjonijiet.
Il-MAM qed tinsisti li kellha tiġi infurmata tal-anqas sitt xhur qabel il-bejgħ tal-isptarijiet u t-trasferiment tal-konċessjoni tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Health Care għal għand Steward Healthcare.
//= $special ?>