Lokali

Erba’ ‘studenti’ tal-AUM mill-Bangladesh qatt ma tfaċċaw – suspett li ħarbu lejn pajjiż ieħor fl-UE

Erba’ studenti mill-Bangladesh li suppost kellhom jibdew l-istudji tagħhom fl-Universita’ Amerikana ta’ Sadeen, qatt ma tfaċċaw u hemm suspetti serji li użaw il-visas tagħhom bħala studenti biex jidħlu lejn pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea. Dan kien żvelat fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa tal-gazzetta The Sunday Times of Malta.Dan ifisser li n-numru diġa’ miżeru ta’ 15-il student se jkun niżel kważi b’terz. Fl-istess waqt, fid-dibattitu tal-Ħamis, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li iċ-ċifra riveduta tal-istudenti ta’ Sadeen hi ta’ 30 student.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-istudenti kienu aċċettati fl-Universita’ ftit tal-ġimgħat ilu iżda qatt ma dehru fil-campus ta’ Bormla.

Il-każ qed jiġi trattat bħala wieħed ta’ migrazzjoni irregolari bl-istudenti jabbużaw bil-visa Schenghen li jiggarantixxi ċaqlieq ħieles fi 22 pajjiż tal-UE u erba’ pajjiżi oħra Ewropej. Sorsi qrib Identity Malta qalu li l-aġenzija ma kienitx lesta li toħroġ il-visas għaliex kellhom suspetti li dawn riedu sempliċement jidħlu fl-UE. Madanakollu, jidher li r-reżistenza kienet megħluba wara interventi diretti minn uffiċjali fl-Universita’ tal-Ġordaniżi u mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Biex wieħed jingħata visa, l-istudenti minn Bangladesh kellhom bżonn ittra mill-Universita’ li kienu aċċettati biex isegwu kors f’Malta, provi li għandhom akkomodazzjoni u biżżejjed flus biex imantnu lilhom infushom.

Mistoqsijiet mibgħuta lill-Universita’ baqgħu mhux imwieġba. Min-naħa l-oħra, kelliem għal Identity Malta qal li l-istudenti qatt ma waslu Malta u li l-visas tagħhom – li ġew revokati – kienu proċessati mill-ambaxxata Maltija fi New Delhi.

Il-Proġett tal-Ġordaniżi kien wieħed kontroversjali mill-bidu tiegħu, hekk kif Sadeen Group, oriġinarjament ried jibla’ parti kbira mill-art barra miz-zona tal-iżvilupp fiż-Żonqor.

Wara ħafna pressjoni minn għaqdiet ambjentali, l-Oppożizzjoni u s-Soċjeta’ Ċivili, il-proġett inqasam fi tnejn, b’parti minnu jmur fl-eks Baċir Numru 1 f’Bormla.

L-hekk imsejħa universita’ kellha bidu zopp hekk kif attirat biss 15-il student, li kollha ġew b’borża ta’ studju mill-Ġordaniżi stess. Fl-aħħar tas-sena li għaddiet, l-istaff akkademiku kollu ħlief għall-Prinċipal, tkeċċew qabel għalqet il-probation u fost l-akkademiċi li daħlu minflokhom, wieħed kien tkeċċa minn universita’ fl-Istati Uniti minħabba li kkopja xogħol li ma kienx tiegħu filwaqt li ieħor tkeċċa wara li ma ġabx provi tad-dottorat li suppost kiseb mill-Universita’ ta’ Oxford.

Minkejja n-numru miżeru ta’ studenti u t-taqlib fl-istaff akkademiku, il-Gvern jidher li se jibqa’ jinsisti li jmur kontra r-rieda tal-poplu u jgħaddi l-art fiż-Żonqor lill-ispekulaturi Ġordaniżi.