Il-gazzetta il-mument illum żvelat kif qed issir pressjoni kbira fuq il-Korp tal-Pulizija, kemm minn barra l-Korp kif ukoll minn persuni fi ħdanu mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni, biex il-familja Tuneżina li kixfet fil-Qorti każ ta’ korruzzjoni titkeċċa minn Malta. F’każ li jseħħ dan, allura ma jinkixfux aktar skandli li jikkonċernaw numru ta’ individwi li jfittxu li jixxaħħmu biex jaqdu lil dawn in-nies vulnerabbli.
Minn informazzjoni li għandha din il-gazzetta huma indikati ismijiet involuti f’dan iċ-ċirku ta’ tixħim li ġieli ssemmew fil-passat f’każi simili iżda għal xi raġuni jew oħra baqgħu ma tteħdux passi fil-konfront tagħhom minkejja li fil-każi li ssemmew fl-aħħar snin kienu mbarazzaw lill-Gvern u ‘l Kastilja.
Fil-mira huma barranin vulnerabbli
Din il-gazzetta fil-jiem li għaddew waslitilha informazzjoni minn sorsi kredibbli u fi ħdan il-Pulizija u oħrajn mill-Aġenzija Identity Malta, li hawn min jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu u juża atteġġjament diffiċli ma’ dawn in-nies vulnerabbli fis-sens li jew taqlagħli l-flus kontanti jew inkella dak li jintalab ma jinħariġx. Mit-tagħrif li għandna, persuni intitolati għal ċerti drittijiet – bħal estensjoni ta’ visa – jitħallew jitkarrbu għall-estensjoni sakemm din tiskadi mbagħad il-preżenza tagħhom f’Malta ssir illegali.
Każ ta’ familja mit-Tuneżija
Każ tipiku jikkonċerna familja Tuneżina ta’ seba’ persuni. Dak li ġara kien li l-omm tkellmet ma’ persuna tal-fiduċja tagħha – Ivan Grech Mintoff – u stqarret miegħu dak li kienet għaddejja minnu.
Din il-familja riedet li jkollha l-visa tagħha mġedda minħabba li wara erba’ snin u nofs f’Malta bl-istatus ta’ refuġjat, din il-visa kienet waslet biex tiskadi.
Il-komunità Musulmana f’Malta meta kuntattjata minn din il-familja qaltilha biex din tagħmel kuntatt ma’ ċertu Mustafa Abusaada, Palestinjan li jgħix f’pajjiżna, minħabba li dan allegatament kellu u għandu ċerti kuntatti ma’ terzi involuti fil-ħruġ tal-visa kif ukoll f’Kastilja.
Il-familja Tuneżina avviċinat lil dan il-Palestinjan u talbitu jgħinhom biex il-visa li kellhom tkun estiża għaliex din kienet waslet biex tiskadi. Jirriżulta li dan il-Palestinjan allegatament qalilhom li hu kien lest li jagħtihom l-għajnuna tiegħu biex din l-estensjoni tal-visa tinħarġilhom, iżda huma riedu jħallsuh €10,000.
Ġara li l-partijiet qablu dwar kif kienu se jsiru l-pagamenti ħalli din l-estensjoni tal-visa tagħhom issir u hekk huma jibqgħu jgħixu Malta. Meta din il-familja kienet diġà ħallset is-somma ta’ €8,800, l-estensjoni tal-visa tagħhom xorta waħda kienet għadha ma nħarġitx.
Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni mwiegħra u inċerta għal din il-familja Tuneżina f’Malta li allura kienet spiċċat bla visa li laħqet skadiet, l-omm insistiet li kienet lesta li tħallas il-kumplament tal-€10,000 kemm-il darba tingħatalha f’idha l-estensjoni ta’ din il-visa; kemm għaliha kif ukoll għall-membri tal-familja tagħha kif kien miftiehem.
Ġara iżda li jum minnhom il-Palestinjan allegatament ħa lill-familja Tuneżina f’uffiċċju partikulari biex jiġbru l-estensjoni tal-visa. Skont din l-omm Tuneżina din l-estensjoni nħarġet quddiemha, imma flok ingħatat lilha, ingħatat f’idejn Mustafa Abusaada.
Meta dawn ħarġu ’l barra mill-uffiċċju fejn kienu marru, dan il-Palestinjan allegatament talabhom il-kumplament tal-flus iżda hi rrifjutat li tagħtih il-flus kemm-il darba hu ma kienx se jagħtihom f’idejhom id-dokument tal-estensjoni tal-visa.
Dan hi għamlitu għaliex beżgħet li darba tagħtih il-kumplament tal-flus, hu xorta waħda kien se jibqa’ jirrikattaha bl-għoti tal-estensjoni tal-visa.
Nifhmu li fil-proċess ta’ dan kollu kien hemm waqtiet meta l-omm Tuneżina tant ma fdatx lill-parti l-oħra li bdiet tirrekordja ċerti konversazzjonijiet li kienu qed isiru anki bl-involviment ta’ ċerti terzi persuni.
F’uħud mill-konversazzjonijiet rekordjati jirriżulta li jinstemgħu numru ta’ ismijiet ta’ persuni oħrajn li setgħu b’xi mod jgħinu fil-ħruġ tal-estensjoni tal-visa ta’ din il-familja. L-ismijiet li ssemmew f’dawn il-konversazzjonijiet partikulari jirrigwardaw numru ta’ nies kemm stazzjonati f’Kastilja, fl-Aġenzija Identity Malta, kif ukoll fit-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija.
Il-Palestinjan jitpoġġa fil-lista s-sewda mill-awtoritajiet … iżda jirribatti l-akkużi
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu jirriżulta li l-isem tal-Palestinjan Mustafa Abusaada hu magħruf sew fost l-Aġenzija tal-Gvern Identity Malta kif ukoll ma’ uffiċjali li jservu fi ħdan il-Visa Unit u oħrajn fl-Immigrazzjoni tal-Pulizija.
Dan jirriżulta wkoll mill-fatt li issa sar magħruf li isem dan il-Palestinjan kien blacklisted minn dawn l-entitajiet. In vista ta’ dan hemm min qiegħed jargumenta li jekk dan hu blacklisted allura kif għadhom ma tteħdux xi tip ta’ passi fil-konfront tiegħu.
Għal dan iżda, l-istess Mustafa Abusaada qiegħed jirribatti u jgħid li mhux veru li hu blacklisted għaliex sa ftit jiem ilu mar personalment fl-istess postijiet u nqeda: “… I was there last week. Why would they proceed against a non guilty person?!”
Dubji dwar l-investigazzjonijiet
Fi żvilupp ieħor dwar dan il-każ l-Ispettur Darren Buhagiar mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija kien arresta żewġ membri minn din il-familja Tuneżina u nbeda l-proċess fil-Qorti biex dawn jitkeċċew minn Malta.
Jirriżulta wkoll li l-istess omm allegatament tkellmet ma’ spettur tal-Pulizija u dan, b’mod familjari, allegatament beda jgħaddi lill-Palestinjan l-informazzjoni dwar il-proċeduri li kienu skattaw… u dan kollu meta suppost li l-Palestinjan hu blacklisted u dan kollu meta affarijiet bħal dawn huma suppost kunfidenzjali.
Kien Ivan Grech Mintoff li wara li din l-omm Tuneżina kienet marret għandu, hu taha l-parir – anki wara li sema’ ċerti recordings – biex hi waqt il-proċess tal-Pulizija fil-Qorti kontra ż-żewġ membri tal-familja tagħha, tmur il-Qorti u titkellem biex tiżvela dan l-iskandlu, filwaqt li tippreżenta wkoll ir-recordings li kellha.
Meta dwar dan l-iskandlu kollu l-omm Tuneżina tkellmet fil-Qorti, l-istess Qorti talbet biex il-każ ikun investigat mill-Pulizija. Il-familja Tuneżina hi mħassba dwar il-fatt li l-atteġġjament irregolari u abbużiv ta’ spettur fil-Korp tal-Pulizija qiegħed ikun investigat minn kollega tiegħu u mhux minn tim ta’ fizzjali fil-Korp.
//= $special ?>