Lokali

FILMAT: “Aħjar immut” – Anzjan li qed jgħix f’kantina fi dlam ċappa, ħmieġ, intiena umdità

Storja xokkanti ta' raġel li spiċċa mingħajr dar u li qed ikollu jorqod f'kantina taħt l-art - qalb il-ħmieġ, l-intiena u l-umdità

Hija sitwazzjoni xokkanti dik li qed jgħix fiha Alfred Spiteri ta’ 60 sena, li minħabba ċ-ċirkustanzi ta’ ħajtu, qed ikollu jorqod, iqum u jgħix f’kantina taħt l-art. Kantina li tal-anqas hija saqaf fuq rasu u kenn mix-xita u r-riħ ta’ barra.

Il-kantina li qed jgħix fiha Alfred tinsab taħt l-art fil-Belt Valletta. Taraġ mit-triq ewlenija jagħti għal żewġt ikmamar mimlija kesħa, ħmieġ, intiena u umdità. Imma fuq kollox, jispikka d-dlam ċappa – għajr għal torċ li toffri ftit dawl.

Malli wasalna, kellna nixgħelu d-dawl artifiċjali tal-kamera biex stajna ninżlu fil-kantina u niffilmjaw. Mingħajr id-dawl artifiċjali tagħna, ma konna naraw assolutament xejn.

Sibna lil Alfred bilqegħda fuq siġġu jħares lejn it-taraġ u l-bieb tal-kantina. Alfred qalilna li peress li għandu diżabilità, jimxi ma jistax. U għaldaqstant, hu jpoġġi bilqegħda b’mod li matul il-ġurnata jkun jista’ jħares lejn il-ftit dawl naturali li jidħol mill-bieb tal-kantina.

Spjegalna li spiċċa bla dar madwar ġimgħa ilu, u sfortunatament ma kellux fuq min idur – għajr ħabiba antika li offrietlu l-unika post li kellha x’toffri. “Tħassritni u qaltli ‘Ma nistax inħallik barra’. Qaltli ‘Int ħa tmut barra!’, u allura ġejt hawn. Tatni din il-kamra”, qalilna Alfred, bis-sigarett f’idu u mgeżwer f’kutra maħmuġa.

Is-sigaretti saru l-mod kif Alfred jgħaddi l-ħin, għajr meta bl-għajnuna ta’ xi nies, jirnexxielu jitla’ t-taraġ u joqgħod jgħid kelmtejn fit-triq. Alfred jirċievi ammont ċkejken ta’ flus mill-benefiċċji soċjali. Imma l-ammont li jirċievi ma jibdiex mal-prezz ta’ kirja ta’ post diċenti.

Billejl, Alfred jorqod mal-art, fuq saqqu mixħut fuq l-ilma li jinżel mill-isprall li hemm fit-triq. Qabel sab din il-kantina fejn jistkenn mill-elementi, Alfred kien qed jgħix barra l-Parlament.

“Naħseb li l-Prim Ministru u l-Ministri kienu jgħidu f’qalbhom: ‘Dan kif dejjem hawn?’. Imma bi nhar biss kienu jarawni, għax billejl huma jorqdu fis-sħana’, qalilna b’dieqa Alfred.

Għalkemm kien offrut night shelter il-Mellieħa, Alfred qalilna li mal-ġurnata, kien qed jerġa’ jispiċċa fit-triq – u ‘l bogħod ħafna mill-ftit individwi li minn jum għal jum ituh daqqa t’id – fosthom biex ikun jista’ jaqdi l-bżonnijiet naturali u jinħasel kif jista’.

Żied jgħidilna li f’din is-sitwazzjoni, jinsab iddisprat. “Aħjar mejjet milli qiegħed hawn”, qalilna Alfred bid-dmugħ f’għajnejh. “Nixtieq kamra waħda fejn noqgħod – imqar waħda”, żied jgħid waqt li qalilna li jitlob li jseħħ miraklu biex ikun jista’ jibda jaħdem u jaqla’ l-flus.