Lokali

FILMAT: “Joseph Muscat irid juża r-riforma tal-Kostituzzjoni biex jaħbi l-problemi li ħoloq u li se jħalli warajh”

"Il-Kostituzzjoni trid tibqa' d-difiża taċ-ċittadin onest"

Għal Joseph Muscat, it-tibdil fil-Kostituzzjoni huwa biss eżerċizzju politiku bl-iskop li jaljena lill-poplu mill-problemi li ħoloq hu stess, u li se jħallina bihom la jitlaq.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan meta kien qed jiġi intervistat mill-preżentatur u ġurnalist Sergio Mallia fuq Radio 101. Adrian Delia qal li t-tibdil fil-Kostituzzjoni għandu jsir biex ikollna Kostituzzjoni li tkun tista’ tkun il-veru tarka tal-Maltin u l-Għawdxin.

“Meta niddiskutu l-Kostituzzjoni, partikolarment f’Gvern mifni bil-Korruzzjoni li jkasbar is-saltna tad-dritt, li hu ogħla mil-liġi; inkunu qed nitkellmu dwar tisħiħ tal-istituzzjonijiet”, qal Adrian Delia. “Minflok, ġie Joseph Muscat u qalilna li għalih, it-tibdil fil-Kostituzzjoni jfisser it-tneħħija tar-reliġjon u t-tneħħija tal-klawżola tan-newtralità”, żied jinnota. “Għal-Labour u għal Joseph Muscat, il-Kostituzzjoni mhi xejn ħlief eżerċizzju politiku ieħor”, żied jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-intervista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni għandha l-ideat tagħha għal tibdil Kostituzzjonali iżda l-Gvern għadu ma ressaq l-ebda proposta konkreta.

“Ħa nkun ċar: M’hemm ebda ftehim ta’ xejn dwar tibdil Kostituzzjonali. Il-Partit Nazzjonalista ma fthiem dwar xejn la ma’ Joseph Muscat, u lanqas mal-Gvern”, qal Adrian Delia. “Jekk irridu nkunu serji, jekk ma rridux narmu wkoll il-Kostituzzjoni tagħna bħal karta oħra f’logħba politika ta’ voti, allura qabel jitkellem, Joseph Muscat għandu jkollu d-dinjità li l-Kostituzzjoni tagħna juriha r-rispett. Jekk ħa nitkellmu fuq il-Kostituzzjoni, ejja nitkellmu bir-rispett. Ejja naraw x’hemm bżonn bħala tibdiliet; ejja naraw fejn huma n-nuqqasijiet. Ejja naraw kif dan il-pajjiż hemm bżonn insaħħu l-istituzzjonijiet”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Fl-intervista Adrian Delia tkellem dwar il-bejgħ tal-isptarijiet, u l-mod kif il-Maltin qed iħallsu miljuni mit-taxxi lil xi ħadd li ma jafux. “Il-Gvern, Konrad Mizzi u jien insaqsi wkoll lil Chris Fearne, għamel dan in-negozju biex jisraq lill-Maltin u l-Għawdxin. Dan in-negozju kien pjanat li jfalli ħalli xi ħadd jagħmel il-miljuni”, qal Adrian Delia.

U hekk kif il-Gvern qed iwebbes rasu mat-tobba f’tilwima industrijali mal-MAM, Adrian Delia qal li l-politika tiegħu hi li jinvesti fin-nies.

Fl-intervista Adrian Delia tkellem dwar oqsma oħra, fosthom l-edukazzjoni u l-ħadma tal-Gvern li biha ta art verġni fiż-Żonqor għall-ispekulaturi. Dwar ir-reshuffle fix-Shadow Cabinet, Adrian Delia qal li dan sar biex il-Partit Nazzjonalista jkollu politika ibbażata mhux fuq is-setturi, iżda fuq il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tan-nies.

L-intervista sħiħa