Lokali

FILMAT: Kantant Malti jimpressjona ġurija ta’ 100 persuna minn madwar id-dinja

Il-kantant Malti Norbert Bondin impressjona lil kważi kull membru tal-ġurija waqt episodju ieħor ta’ Great Big World – All Together Now fuq BBC One.

Bondin kellu bżonn l-approvazzjoni ta’ 75 minn 100 espert tal-mużika minn madwar id-dinja, iżda l-prestazzjoni tiegħu bl-interpretazzjoni ta’ ‘Say Something’ ta’ Christina Aguilera kellha l-approvazzjoni ta’ 92 minn total ta’ 100 ġurat.

Fil-kummenti tagħha, il-kantanti Geri li fil-passat kienet parti mill-grupp Spice Girls, iddeskriviet l-interpretazzjoni ta’ Bondin bl-espressjoni ‘That was Amazing’. Madankollu, sfortunatament Bondin inqabeż minn Jodie Steele li akkwistat l-approvazzjoni ta’ 97 espert tal-mużika biex b’hekk kienet hi li għaddiet għall-finali.

F’din il-kompetizzjoni, għexieren ta’ kantanti qed jikkompetu għal premju finali ta’ £50,000.

L-istorja ta’ Norbert, li għandu 24 sena, hi waħda ta’ ispirazzjoni hekk kif hu jlaqlaq, iżda meta jiġi għall-kant jirnexxielu jegħleb din l-isfida. FL-2016 Bongin kien qala’standing ovation waqt Britain’s Got Talent.