Bdiet il-ħidma biex il-bastiment ‘Haphaestus’ li nkalja fuq il-blat ta’ Fra Ben fil-Qawra, jiġi rkuprat u jitneħħa fil-ġranet jew ġimgħat li ġejjin.
Dan hekk kif matul il-ġurnata tal-Ħadd, dehru numru kbir ta’ uffiċjali, kif ukoll membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment, jitilgħu fuq il-vapur biex josservaw is-sitwazzjoni – sigħat wara li l-bastiment inkalja.
Meta nkalja l-bastiment, il-membri tal-ekwipaġġ kellhom jabbandunaw il-vapur u jitilgħu l-art. Il-bastiment inkalja wara baħar qawwi u maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin bejn il-Ġimgħa u s-Sibt.
Apparti li jitħejja pjan dwar kif se jitneħħa dan il-bastiment, l-awtoritajiet għadhom iridu jistabilixxu kif seħħ l-inċident eżattament.
Għaliex aktarx, ħabel ta’ ankra maqbud fl-iskrun seta’ wassal biex il-bastiment tilef il-kontroll qalb il-qilla tal-baħar immwewweġ. Filfatt, apparti l-ħsarat li hemm evidenti mal-qiegħ tal-bastiment, wieħed jista’ jinnota wkoll ħabel li nqabad mal-iskrun tal-vapur.
Filfatt mhux eskluż li l-bastiment inkalja wara li l-membri tal-ekwipaġġ ma rnexxilhomx jikkontrollaw il-bastiment fin-nuqqas tal-ankra li kienet maqbuda mal-iskrun. Imbagħad, kien kawża tal-mewġ li l-bastiment inkalja fuq il-blat… inċidentalment f’Jum San Pawl.
Ix-xena ta’ bastiment pjuttost kbir inkaljat fuq il-blat, kienet waħda li serqet l-attenzjoni ta’ bosta. Filfatt, matul il-ġurnata tal-ħadd kienu ħafna l-Maltin u t-turisti li marru fuq il-post biex jaraw din ix-xena rari li fakkret lil ħafna f’dak li seħħ dakinhar tal-miġja ta’ San Pawl fostna.
