Lokali

“Ġie għal futur aħjar għalih u għat-tarbija tiegħu ta’ 7 xhur” – Kollega tal-vittma li miet traġikament ilbieraħ

Ir-raġel li lbieraħ tilef ħajtu traġikament meta għaffġitu siġra li nqalgħet bl-għeruq kollox, ħalla warajh tarbija ta’ 7 xhur.

F’post imqanqal fuq Facebook, kollega ta’ Dan Udrea ta’ 38 sena mir-Rumanija kiteb: “Dan ġie Malta mir-Rumanija biex ifittex futur aħjar għalih u għall-familja tiegħu, fosthom il-mara li ma nafux jekk hux se tgħix jew le”.

Fil-ħin tal-inċident, il-vittima kien akkumpanjat mill-mara tiegħu ta’ 32 sena. Hi ttieħdet l-isptar Mater Dei fejn ġiet ċertifikata li ġarrbet ġrieħi gravi tant li tinsab f’qagħda kritika. Kollox jindika li l-koppja kienet għadha kemm wasslet lit-tarbija tagħhom għand in-nanna.

Il-vittma kien jaħdem f’tim ta’ delivery persons u flimkien mal-mara tiegħu kellu tarbija ta’ 7 xhur. Fortunatament it-tarbija ma kinitx fil-vettura fil-ħin tal-inċident, għalkemm ritratti mix-xena tal-inċident juru ‘car seat’ tat-trabi mixħut mal-art.

“It-tqassim tax-xogħol tagħna mhux se jkun l-istess mingħajr Dan”, kiteb l-istess kollega fil-grupp ‘RUBS Are You Being Served (Malta) The Original’, li żied jesprimi r-rabja u d-dispjaċir tiegħu fl-istess ħin għal dak li seħħ.

Dan Udrea (L-ewwel mix-xellug) flimkien mat-tim ta’ kollegi tiegħu

FILMAT: Siġra tinqala’ minn postha fl-Imrieħel – raġel jitlef ħajtu u mara għall-kura l-isptar

Il-vittma tal-inċident traġiku ta’ dalgħodu huwa Dan Udrea