Media.Link Communications, il-kumpanija li fiha tiġbor il-gazzetti il-mument u In-Nazzjon, flimkien ma’ Radio 101, NET TV, netnews.com.mt u l-PIN, bħalissa għaddejja minn tiġdid biex tissaħħaħ u ttejjeb il-produzzjonijiet u l-pubblikazzjonijiet.
Sabiex dan iseħħ, iċ-Chairman Eżekuttiv, Pierre Portelli, ħabbar numru ta’ ħatriet ġodda, bil-għan li l-kumpanija tal-Partit Nazzjonalista tkun f’qagħda aħjar biex toffri kontenut iżjed kompetittiv, u jiżdiedu l-udjenzi, il-qarrejja u l-klijenti li jirreklamaw.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-mument se jkollha lil Alex Attard bħala Editur ġdid tal-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd. Alex beda l-karriera ġurnalistika tiegħu fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ In-Nazzjon. Hu kien ukoll Kap tal-Aħbarijiet, Editur Parlamentari kif ukoll Editur tal-gazzetta In-Nazzjon.
Roderick Agius, l-Editur preżenti ta’ il-mument, se jinħatar Uffiċjal Kap Eżekuttiv taċ-ċentru tal-ħsieb politiku, l-AŻAD, u, fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun qed iħabbar diversi inizjattivi ġodda, bil-għan li jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-AŻAD. Huwa kien ilu għal dawn l-aħħar ħames snin editur tal-gazzetta il-mument u żmien qabel kien ukoll Deputat Editur ta’ In-Nazzjon u ġurnalist, producer ta’ sensiela ta’ dokumentarji dwar ġrajjiet kurrenti lokali u internazzjonali li rebħuh diversi awards kif ukoll newscaster ma’ Net TV.
Joe Cassar, se jkun l-Editur il-ġdid ta’ In-Nazzjon li, s’issa, qed jokkupa l-kariga ta’ Deputat Editur tal-istess gazzetta. Joe għamel karriera twila jaħdem bħala Features Editor u kien ukoll Deputat Editur ta’ il-mument.
Simon Vella Gregory se jinħatar News Editor, kariga li tidħol fis-seħħ f’April. Simon ħadem f’diversi dipartimenti tal-Media.Link u għandu għarfien tal-midja diġitali kif ukoll dik stampata. Hu pproduċa diversi programmi għal NET TV u rebaħ ukoll awards għall-produzzjonijiet tiegħu. Hu kien ukoll Deputat Editur ta’ In-Nazzjon.
Fabian Demicoli, li jtemm il-kariga tiegħu ta’ Kap tal-Aħbarijiet f’April, se jinħatar Programmes Manager ta’ NET TV, bl-inkarigu speċifiku li jsaħħaħ u jtejjeb il-kontenut fil-programmi kollha ta’ NET TV, u jkabbar l-udjenzi tal-istazzjon. Fabian ħadem fi newsrooms oħra qabel ma ngħaqad ma’ Media.Link, fosthom mat-tim ta’ Xarabank.
Josef Fitzpatrick se jinħatar Programmes Manager ta’ Radio 101, bil-għan speċifiku li jkabbar l-udjenzi u jagħmel l-istazzjon, wieħed mill-iżjed popolari fost l-istazzjonijiet kollha tar-radju. Josef għandu esperjenza kbira fil-qasam tal-programmi televiżivi u, s’issa, kien jokkupa l-kariga ta’ Head of Programmes ta’ NET TV. Ix-xandar veteran Charles Saliba li, s’issa, kien Head of Station ta’ Radio 101, se jibqa’ konsulent taċ-Chairman Eżekuttiv kif ukoll preżentatur fuq Radio 101.

Fin-newsroom tal-Media.Link se jsiru wkoll tliet ħatriet oħra. Robert Cremona se jinħatar Editur Online, responsabbli mill-portal netnews.com.mt . Robert ħadem bħala ġurnalist fil-kamra tal-aħbarijiet kif ukoll ipproduċa u jippreżenta programmi ta’ ġrajjiet kurrenti, bħalma hu NETLIVE. Mario Frendo u Matthew Mamo se jinħatru News Coordinators.
F’kumment lil il-mument, iċ-Chairman Eżekuttiv Pierre Portelli, qal li dawn il-ħatriet huma ħolqa importanti fir-ristrutturar li qed isir fil-Media.Link. Hu sostna li għad fadal x’isir qabel it-tim il-ġdid ikun f’postu. “Diġà qed naħdmu fuq l-iskedi l-ġodda, waqt li qed nagħmlu minn kollox biex ninvestu fir-riżorsi u l-apparat li tant għandna bżonn.”
Pierre Portelli rringrazzja lill-ħaddiema kollha li mingħajr l-appoġġ u d-determinazzjoni tagħhom, il-proġett ta’ ristrutturar u titjib fil-midja tal-PN ma jkunx possibbli.
//= $special ?>

