Student tal-MCAST li tkellem ma’ il-mument dwar l-esperjenza li għaddejja minnha l-MCAST saħaq li l-Gvern qed jonqos bil-kbir meta lill-għalliema tagħhom ma jagħtihomx l-istess kundizzjonijiet bħalma ta lill-għalliema li jgħallmu fil-Junior College. Din is-sitwazzjoni fl-MCAST qed teffettwa serjament lill-istudenti kollha, b’mod partikulari invista tal-eżamijiet li jridu jagħmlu.
Dan l-istudent semma kif l-istudenti tal-MCAST qegħdin jiġu effettwati mid-direttivi, u qal li huma qed ikunu effettwati daqs, jekk mhux aktar, mill-għalliema tal-MCAST. Hu qal li hu importanti ħafna li l-istudenti kollha fl-MCAST jifhmu dak li qed jiġri f’din l-istituzzjoni fejn l-għalliema qed jiġġieldu u jirsistu għad-drittijiet tagħhom.
“Il-fatt hu li d-drittijiet tax-xogħol li se jiksbu l-għalliema tagħna llum għad ikunu d-drittijiet tagħna għada. Il-parti l-kbira tal-għalliema huma kollha ta’ età żgħira, u kwalifikati ħafna u b’esperjenza vasta; ħafna minnhom b’moħħ miftuħ, iddedikati ħafna f’xogħolhom speċjalment meta jmorru fl-estrem biex jagħtuna l-għajnuna kollha meħtieġa. Aħna ninnutaw bil-kbir l-isforz żejjed li jagħtu bosta mill-għalliema ’l bogħod mid-dover tax-xogħol tagħhom.”
“Sfortunatament, nemmen ukoll li dan li qed ngħid ma japplikax għal kull għalliem li hemm f’din l-istituzzjoni, (kieku l-istudenti li għamlu l-akkużi tagħhom fil-konfront ta’ dawn l-għalliema dawk li jitqiesu professjonali huma fil-minoranza) u għalhekk aħna qed nappoġġjaw lill-għalliema inġenerali mingħajr ma nippuntaw lejn xi individwu partikulari.”
“Fl-istess waqt nissimpatizza mas-sitwazzjoni inġusta li qed isofru bħalissa. Hekk kif aħna niggradwaw minn din l-istituzzjoni u nidħlu fid-dinja tax-xogħol, aħna nippretendu li nitħallsu ugwali għall-istess xogħol, u għalhekk inħoss li nkun ipokrita li ma nissapportjax l-azzjoni li ttieħdet.”
Dan l-istudent stqarr: “aħna nafu l-qabża fil-ħlas li hemm bejn l-għalliema fil-Junior College, li jgħallmu sal-livell Avvanzat u l-għalliema tal-MCAST, li jgħallmu sa livell ta’ Degree, u hekk kif inhu fil-każ tagħna, hu saħansitra ppjanat li jkun hemm numru ta’ istituzzjonijiet li qed iwasslu sal-livell ta’ Masters.”
“L-iktar li turtani hi li ħafna drabi qed jiġi nnutat li istituzzjonijiet oħra tal-edukazzjoni jikkunsidraw li MCAST hi entità inqas minn tagħhom.”
Madankollu, kompla dan l-istudent; “fl-aħħar snin innutajt li meta niġu għal ċerti vokazzjonijiet, speċjalment f’taqsimiet tal-inġinerija, sport, design u dawk li jagħtu servizz fil-komunità, l-istudenti tal-MCAST huma iktar mitluba u iktar meqjusa minn min iħaddem minħabba l-konċentrazzjoni fil-prattika u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol offrut mill-MCAST.”
Ir-reputazzoni tal-MCAST f’riskju
Dan l-istudent kompla jistqarr li din ir-reputazzjoni hi f’riskju kbir, mhux minħabba l-għalliema li qed jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, imma ġejja minn fuq tal-Amministrazzjoni.
Dan l-istudent fisser li meta kien beda l-livell postsekondarju fl-MCAST wara pawsa ta’ sitt snin f’xogħol, u għalkemm li fil-bidu stagħġeb bl-iżvilupp tal-bini li kien sar, biddel fehmtu hekk kif rifes fil-librerija u nnota li kien fis-sezzjoni tal-kompjuters u kien għad hemm nofshom l-istess kif kienu 13-il sena ilu!
“Li hu żgur hu li dawn il-kompjuters idumu madwar ħames u għaxar minuti biex sempliċement jinxtegħlu u jilloggjaw. Dan barra d-dewmien esaġerat sakemm il-progammi bażiċi bħall-Word u l-Internet ikunu disponibbli.”
“Fl-istess ħin ma nistax ingerger fuq il-kompjuters l-oħra l-ġodda, għalkemm in-network għandu xejra li jbati kważi kuljum. Meta aħna konna ġejna infurmati li l-MCAST hi attrezzata b’WI-FI għall-istudenti kollha, fir-realtà din mhix veritiera għax l-ewwel darba li ġejna biex nikkonnettjaw mas-sistema sibna li kienet waħda dewwiema li ma stajniex la nagħmlu riċerki u xi kultant lanqas nikkomunikaw fuq il-mobiles tagħna, tant li ma kellniex triq oħra x’nagħmlu ħlief li niddependu mit-3G, u b’hekk nonfqu flus żejda li wħud minna lanqas jaffordjaw.”
Dwar l-ambjent tal-Campus, dan l-istudent irrimarka fuq il-kundizzjoni li jinsab fiha ċertu bini ta’ fakultajiet partikolari fejn student u rappreżentanti ġibdu l-attenzjoni u li hu stess ra b’għajnejja.
“Hemm klassijiet li qed joħroġ l-ilma fihom, tant li qed jittebba’ l-madum; fil-parkeġġ ta’ fuq wieħed jista’ jinnota karozzi mkissra u biċċiet tal-karozzi mitfugħa fuq xulxin; imsiemer imsadda b’pulzier ’il barra ħerġin fit-taraġ żgħir; projectors ma jaħdmux u f’ċerti postijiet lanqas huma installati; tbajja’ suwed fis-saqaf (aktarx moffa); kanen tal-ilma jqattru fit-toilets u s-suffett ta’ ġewwa mbewwaq tant li jidhru xi ħadid u wires imdendlin.”
“Teħdunix ħażin, rajt titjib, u li kieku jien bħala student ili ħafna niġi f’dan il-bini kont nara iżjed titjib (kif jgħidu l-istudenti antiki), imma madankollu aħna l-istudenti tal-MCAST, li qed niġu mgħallma fis-saħħa u fis-sigurtà tal-post jaqbel mal-vokazzjoni tagħna.”
“Għalhekk fir-realtà, aħna nafu xi jġib miegħu s-‘Sick building syndrome’, l-effetti u r-riskji li jġib miegħu, anki fit-teorija. Nieħu gost li kieku l-Amministrazzjoni tieħu azzjoni u timplimenta dan l-għarfien fil-prattika … ħalli turina kif dan jista’ jsir. Dan li qed ngħid huwa biex ikun hawn għarfien x’qed jiġri fil-preżent fl-MCAST, problemi li jistgħu jieħdu ħsiebhom dawk involuti fl-Amministrazzjoni.”
Problemi li qed jeffettwaw bl-istess mod lilna l-istudenti u lill-għalliema. (Apparentement, din hi l-parti ta’ working environment fid-direttivi inkwistjoni), u nerġa’ lura fid-direttivi, aħna l-istudenti qed niġu mġiegħla fir-responsabbiltà li nieħdu l-attendenza tal-klassi peress li waħda mid-direttivi hi dik li l-għalliema m’għandhomx jippreżentaw għal dan ix-xahar (se jressquhom max-xhur l-oħra fil-futur), hekk kif ġie rrappurtat fuq il-midja. Dan apparentement, il-letturi allegatament qed jirċievu l-ħlas tas-sahra tagħhom madwar xahrejn wara (għall-inqas dak li smajt jien). Meta jiġi kkunsidrat dan u li ħafna mill-għalliema li jgħallmu kemm f’livelli baxxi kif ukoll f’livell ta’ Degree, ma naħsibx li l-azzjonijiet li ttieħdu s’issa mhux qed jirrappreżentaw is-sitwazzjoni, dan għaliex kieku l-azzjonijiet kienu iktar ħarxa. Fil-fatt, l-istrajk li kellu jsir nhar il-25 u tas-26 ta’ Jannar 2018 kellhom isiru qabel.”
Dan l-istudent stqarr li hu ħa d-deċiżjoni iebsa li jieqaf jaħdem mix-xogħol full-time biex jerġa’ jidħol jistudja, u li għalih kien ċert li applika fl-aħjar istituzzjoni għall-vokazzjoni. “Għalhekk din il-ġlieda li qed jagħmlu l-għalliema għad-drittijiet tagħhom hi pjuttost il-ġlieda tiegħi … ġlieda għall-pajjiż kollu, hekk kif x’futur nippretendu jekk l-azzjonijiet neċessarji ma jiġux protetti u miżmuma f’livell għoli ta’ edukazzjoni?” temm jistqarr fl-intervista ma’ il-mument.
//= $special ?>