Artiklu tal-paġna tal-Kunsilli Lokali li deher fuq in-Nazzjon tal-Ġimgħa 9 ta’ Frar
“Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għarghur huwa Kunsill li fih tispikka l-għaqda bejn il-membri fi ħdanu”. Dan kien il-kliem li s-Sindku tal-PN għal Għarghur, Ġiljan Aquilina, qalilna dwar il-ħidma tal-Kunsill lejn il-lokalità.
Fl-intervista Aquilina qalilna li wieħed mill-aktar proġetti għal qalbna kien dak li b’kollaborazzjoni mal-Bank of Valletta, ġie ffirmat ftehim għal provista ta’ servizz ta’ ATM. Huwa qalilna li n-nuqqas ta’ dan is-servizz kien ilu jinħass għal diversi snin u t-tentattivi biex dan iseħħ kienu bosta. “Iżda, diversi banek dejjem għażlu li ma jipprovdux dan is-servizz essenzjali fil-Għargħur. Madanakollu, fl-aħħar il-Bank of Valletta ddeċieda li jilqa’ t-talba tagħna u ta’ dan aħna grati ħafna.”
“Kburi ngħid li naħdmu flimkien mingħajr ma naraw l-ebda kuluri u b’imħabba lejn raħal twelidna. Flimkien, f’tim wieħed ħdimna fost oħrajn fuq bosta inizjattivi.”
Problema oħra li ġiet indirizzata kienet dik dwar l-Għargħar fi Triq San Ġwann. Il-problema issa ġiet imtaffija
permezz ta’ bini ta’ culverts u katusi taħt l-art. Ġiet mibnija wkoll gibja fi Sqaq il-ħofra biex tilqa parti mill-ilma. B’hekk issa fil-lokalità qed tkompli tiżdied ukoll l-ħażna tal-ilma li hija ferm importanti. Sodisfatt li l-karba tal-Kunsill waslet, huwa qalilna li fuq dan il-proġett sab l-għajnuna mistħoqqha minn dawk kollha konċernati inkluż mill-Minsiteru. Huwa ħa l-opportunità billi rringrazzja lill-bdiewa affetwati li kkoperaw tul il-proċess ta’ ħidma.
“Il-Ġnien ta’ Żagħruna qed jerġa jitgawda mill-pubbliku”
Aquilina qalilna qalilna li f’dawn l-aħħar xhur sar xogħol ta’ tisbiħ fil-Ġnien ta’ Żagħruna. Dan il-proġett kien iffinanzjat mill-Awtorità tal-Ippjanar permezz tal-Urban Improvement Fund. Fost ix-xogħlijiet li saru kien hemm bdil ta’ safety flooring kif ukoll sar investiment f’playing equipment ġdid. Issa il-ġnien mill-ġdid infetaħ u qed jerġa jitgawda mill-Għargħurin.
Is-Sindku ta’ Ħal Għargħur qalilna wkoll li sar culvert ġdid li jibda minn Ġnien il-Paċi u jibqa’ ħiereġ sa Triq San Nikola. Dan sar sabiex l-ilma tax-xita jmur fil-ġibjun u b’hekk inkunu nistgħu nużaw dan l-ilma għat-tisqija tal-Ġnien kif ukoll biex titnaqqas il-kwantità tal-ilma li jinħela.
Fondi mill-Unjoni Ewropea għal Ħal Għargħur
Fejn jidħlu toroq residenzjali saret Triq Fra Dumink Mifsud. Minbarra l-asfalt ix-xogħol kien jinvolvi ukoll li jerġghu jiħu mogħdija s-servizzi tal-ilma u fejn setgħu jsiru servizzi ta’ dranaġġ privati, ir-residenti ġew mħeġġa li jagħmluhom u ħafna għamlu ħadu dan il-parir. Aquilina qalilna li barra minn dawn permezz ta’ fondi Ewropej sar sqaq magħruf bħala Sqaq tal-Maħruq li permess tieghu gawdew diversi bdiewa. “Ftit ġimgħat ilu ġejna infurmati li l-Kunsill Lokali ser ikun qiegħed jibbenifika minn fondi tal-UE biex isiru sqaqien fiz-zoni rurali tagħna. B’kollox ġejna allokati mal-EUR203,000.”
Aquilina qalilna li l-Kunsill applika wkoll għal skema ta’ Restawr tal-Kappella ta’ San Ġwann il-Battista u issa qed jistennew li jibda x-xogħol min–naħa tad-direttorat tar-restawr. Huwa hawn ta’ radd il-ħajr lill-Parocca tal-Għarghur li magħhom ħadem biex flimkien setgħet isir din l-applikazzjoni.
Ġiljan Aquilina qalilna li l-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Għargħur dejjem kienet li tħares l-interess ewlieni tal-lokalità. Ħidma biex dak rurali jibqa’ jingħata għajnuna u kif ukoll il-qafas taż-żona residenzjali tibqa’ tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Huwa għalaq billi qalilna li kultant ix-xogħol ikun iebes iżda hu flimkien ma’ sħabu dejjem jinsabu determinati biex il-ħidma lejn il-Għargħurin tibqa’ għaddejja.
//= $special ?>