Lokali

FILMAT: Il-familja Udrea kienet qed tipprova tixtri dar u ssib skola għat-tfal

It-traġedja ħassritilhom il-pjanijiet kollha u Irina u wliedha aktarx jirritornaw għand familtha fir-Rumanija.

Dan u Irina Udrea kienu qed ifittxu biex jixtru residenza fejn jgħixu kif ukoll skola għal wliedhom – żewġ subien, wieħed ta’ tliet snin u ieħor li għad għandu biss seba’ xhur.

Iżda sfortunatament l-inċident fatali tas-Sibt li għadda, meta siġra nqalgħet bir-riħ u taret għal fuq il-vann li kienu fih, ħassritilhom il-pjanijiet kollha u Irina u wliedha aktarx jirritornaw għand familtha fir-Rumanija.

Ma kien hemm xejn xi jsir għal Dan, li miet fil-post, waqt li martu għadha l-isptar bi ġrieħi f’wiċċha għalkemm f’sensiha u mhix fil-periklu.

Madankollu, id-diżgrazzja għal din il-familja tfisser ukoll spiża finanzjarja, hekk kif ix-xewqa hi li ġisem Dan jingħata lil familtu u jindifen fir-Rumanija.

Iżda biex isir dan, l-ispejjeż ilaħħqu l-€5,000. Kien għalhekk li Rita Hansagi, speċjalista medika Rumena li tgħix u taħdem fi sptar privat f’Malta, bdiet inizjattiva biex tiġbor il-flus għall-familja.

“Qed nippruvaw ngħinu lill-familja biex ikun jista’ jindifen f’daru iżda sfortunatament l-ispejjeż huma għolja ħafna,” tispjega Rita Hansagi, li bdiet kampanja ta’ ġbir ta’ fondi għall-familja.

Biex tkompli tagħmila iktar diffiċli, komunità ta’ madwar 3,000 Rumen f’pajjiżna m’għandiex ambaxxata jew konsolat u għalhekk jiddependu minn uffiċċju f’Ruma.

“Qed nippruvaw,” tgħidilna Rita, li tkompli “ngħixu f’pajjiż barrani dejjem se jkun diffiċli imma wara dan l-inċident irċivejna ħafna għajnuna anke mill-Maltin.”

Rita tiddeskrivi l-familja bħala waħda mill-isbaħ. “Nafom għal numru ta’ snin. Huma familja mill-isbaħ, jaħdmu ħafna b’żewġ tfal żgħar. Il-amra issa tinsab fl-isptar tingħata l-kura. Ħasra u rridu ningħaqdu.”

Sadattant l-istaff tal-emerġenza, li kien fost l-ewwel fil-post tal-inċident biex jassisti lill-vittmi, beda inizjattiva biex jinġabru flus għal din il-kawża.

Jekk tixtieq tgħin, tista’ tibgħat donazzjoni fuq kont bankarju tal-HSBC bl-IBAN MT42MMEB44060000000006208805050 u Swift Code MMEBMTMT inkella fuq https://www.gofundme.com/danudrea