ROMA NUOTO………..12
WATERPOLO BARI……7
(3-1), (2-2), (5-2), (2-1)
Il-captain tat-tim nazzjonali Malti Stevie Camilleri kompla jispikka għat-tim tiegħu fil-kampjonat Taljan A2 meta skorja nofs il-gowls fir-rebħa ta’ 12-7 li Roma Nuoto kellhom fuq Waterpolo Bari.
Camilleri sa issa skorja 23 gowl minn disa’ logħbiet u fil-preżent jinsab it-tielet fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-Kampjonat Taljan A2. Hu ma skorjax biss f’żewġ gowls. L-aqwa skorer sa issa hu Carlo di Fulvio ta’ Pescara bi 28 gowl, segwit minn Michele Luongo ta’ RN Salerno b’24 gowl.
Roma fetħu tajjeb fl-ewwel sessjoni u wara li Michele Lapenna fetaħ l-iskor, Stevie Camilleri fetaħ il-kont personali fil-logħba b’azzjoni personali. Michele De Robertis għamel l-iskor 3-1 minn kontrattakk, bl-avversarji jnaqqsu d-distakk sa tmiem l-ewwel sessjoni.
Bari skorjaw it-tieni gowl fit-tieni sessjoni, iżda Stevie Camilleri ta’ vantaġġ ta’ tliet gowls b’doppjetta, wieħed minnhom b’sitwazzjoni ta’ man-up. Bari skorjaw it-tielet gowl ukoll b’man-up, biex Roma daħlu jistrieħu 5-3 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni, Roma ħadu r-riedni tal-logħba tant li fetħu vantaġġ ta’ ħames gowls. Lapenna għamilhom 6-3 iżda Bari wieġbu. Stevie Camilleri skorja r-raba’ gowl personali, Calcaterra għamilhom 8-4 biex għal darba oħra Camilleri u ż-żagħżugħ Francesco Faraglia għamlu l-iskor 10-4, bit-tim ta’ Bari jnaqqas id-distakk qabel tmiem is-sessjoni.
L-aħħar sessjoni kienet botta u risposta, b’Stevie Camilleri jiskorja s-sitt gowl personali fil-logħba, bit-tim ta’ Bari jwieġeb wara ż-żewġ gowls ta’ Roma għal skor finali ta’ 12-7.
Suppost, Roma se jilagħbu din il-ġimgħa kontra Palermo iżda l-logħba ġiet posposta għall-Erbgħa 7 ta’ Marzu biex Camilleri jkun jista’ jilgħab mat-tim nazzjonali Malti fil-fażi tal-Europa Cup li se ssir fil-Kroazja bejn il-15 u t-18 ta’ Frar. Il-logħba li jmiss ta’ Roma se tkun l-Erbgħa 18 ta’ Frar fid-derby kontra Arvalia li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.
//= $special ?>