Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Tork kellu kliem iebes għall-Gvern Ċiprijott talli dan se jibda jħaffar għall-gass f’ibħra barra l-kosta Ċiprijotta.
It-Turkija diġà bagħtet bastimenti tal-gwerra li waqqfu r-rig milli jasal fil-post fejn għandu jsir it-tħaffir.
Fi stqarrija, il-Ministeru Tork qal li b’dan l-aġir, iċ-Ċiprijotti Griegi kienu qed jinjoraw d-dritt taċ-Ċiprijotti Torok għar-riżorsi naturali kif ukoll jipperikolaw l-istabbiltà tar-reġjun. L-istqarrija kompliet tgħid li l-Gvern Ċiprijott Grieg kien qed iġib ruħu qisu kien l-uniku sid ta’ Ċipru.
ENI tal-Italja, it- TOTAL ta’ Franza u l- ExxonMobil tal-Istati Uniti ngħataw il-permess mill-Gvern Ċiprijott Grieg biex jibdew iħaffru għall-gass barra l-kosta fin-Nofsinhar ta’ Ċipru.
L-inċident bil-bastiment tal-gwerra seħħ is-Sibt hekk kif bastimenti tal-gwerra imblukkaw ir-rotta tar-rig Taljan Saipem 12000 tal-ENI milli jasal fil-post.
It-Turkija ssostni wkoll li l-post fejn se jsir it-tħaffir hu territorju tagħha filwaqt li Ċipru jsostni li hu tiegħu.
Iberraq bejn it-Turkija u Ċipru minħabba t-tħaffir tal-gass


