Nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Frar, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: erbgħin jum ta’
talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’
Sidna Ġesù Kristu.
L-Arċisqof Charles Scicluna, mal-Kapitlu tal-Katidral, se jiċċelebra l-Quddiesa Stazzjonali
ta’ Ras ir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-6:30 p.m. Il-Quddiesa
tinkludi t-tberik u t-tqegħid tal-irmied. Dawk kollha li jaħdmu l-Belt Valletta jew jinzertaw il-Belt
huma mistiedna jattendu għal din iċ-ċelebrazzjoni.
Matul dan ir-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem
fis-Sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali.
Il-Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena
u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum,
waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor
li jogħġbu ħafna.
Filwaqt li tinkuraġġixxi l-penitenza fi żmien ir-Randan, il-Knisja tixtieq tfakkar li fost il-jiem u
ż-żminijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.