Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar b’mod unanimu kontra żvilupp kummerċjali f’żona ODZ

Il-membri kollha tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar ivvutaw favur mozzjoni li topponi l-iżvilupp kummerċjali propost fi Triq il-Labour Ħaż-Żabbar.

Dan hekk kif illejla kienet imsejħa laqgħa straordinarja tal-Kunsill Lokali wara li aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, saret laqgħa pubblika konsultattiva mar-residenti kif ukoll diversi laqgħat ma’ stakeholders oħra.

Il-mozzjoni kienet ibbażata fuq diversi fatturi fosthom li l-iżvilupp kien fil-biċċa l-kbira tiegħu hu propost fuq art ODZ, in-nuqqas ta’ studju dwar l-impatt tat-traffiku u l-problemi li dan iġib miegħu, parkeġġ mhux adekwat, problemi ta’ storbju u skart, kif ukoll li dan kien se jaffettwa art agrikola tajba u jnaqqas l-ammont ta’ siġar minn fuq is-sit.

Aktar minn hekk, il-mozzjoni tgħid ukoll li dan l-iżvilupp imur kontra l-pjan ta’ riġenerazzjoni propost mill-Gvern Ċentrali fl-akkwati, kif ukoll proġett ta’ rikreazzjoni għall-familji propost mill-Kunsill Lokali.

Wara dan il-vot, il-Kunsill Lokali issa se jkun qed jippreżenta l-oġġezzjoni formali lill-Awtorità tal-Ippjanar.