Lokali

Jitwaqqaf anke s-servizz ta’ Park and Ride lejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Wegħda li Vitals tant ftaħru li se jwettqu, jiġifieri servizz ta’ Park and Ride għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, issa sfaxxat.

Fi stqarrija fit-18 ta’ Marzu tas-sena li għaddiet, Vitals kienu qalu li dan is-servizz se jsir bejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u x-Xewkija bejn is-6.30 u s-19.30. Vitals saħansitra wegħdu li għaddejjin diskussjonijiet mal-entitajiet tal-Gvern biex jiżdied l-aċċess. Iżda dan ma seħħx.

Mhux hekk biss, iżda issa l-Gvern qed jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet li saru mill-Kelliem għal Għawdex Chris Said fil-Parlament. Hu staqsa lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana dwar għaliex twaqqaf dan is-servizz, kemm ġie jiswa’ u jekk ħarġux tenders għalih.

Iżda Justyne Caruana ma weġbitx u talbet li l-mistoqsijiet isiru lill-Ministru konċernat. Dan minkejja li fl-istess stqarrija ta’ Vitals is-sena li għaddiet, jingħad li s-servizz qed isir bi sforz konġunt mal-management tal-isptar u l-Ministeru għal Għawdex.

Il-ġimgħa li għaddiet dan l-istazzjon irrapporta wkoll kif Vitals qed jipperikolaw ukoll l-investiment tal-iskola medika ta’ Barts f’Għawdex, għaliex dik li kellha tkun l-iskola li minnha jaħdmu Barts għadha biss ħofra.

Filfatt kulma għamlu Vitals kien li kissru l-garaxx tal-ambulanza u l-canteen biex issa l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex m’għandux dawn il-faċilitajiet għall-pazjenti.

Il-Gvern wiegħed skola professjonali minn Barts f’Għawdex u tagħna biss ħofra