Stewart Said
Hibernians………………….5
Senglea A…………………..1
Wara d-draw diżappuntanti kontra Mosta, Hibernians irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Senglea Athletic 5-1 biex b’hekk qabżu lil Floriana u jinsabu fil-ħames post żewġ punti taħt Gżira.
Ir-rebħa għal Hibernians kienet meritata, iżda l-iskor finali hu kiefer għall-isforzi ta’ Senglea li speċjalment fl-ewwel taqsima qasmu l-logħob sew mal-avversarji. Din it-telfa tħalli lil Senglea b’19-il punt, ħamsa fuq iż-żona tar-relegazzjoni.
Il-kowċ ta’ Hibernians Mark Miller għamel bidla waħda mill-aħħar logħba, b’Dunstan Vella jibda flok is-sospiż Bjorn Kristensen. Fuq in-naħa l-oħra, żewġ bidliet għal Paolo Favaretto mid-draw kontra Tarxien. Josuel Spiteri beda flok Matias Garzia filwaqt li Rene Caseres beda fl-attakk flok Nicola Palmieri.
Hibernians ħolqu l-ewwel periklu wara sitt minuti b’daqqa ta’ ras ta’ Moreira li għaddiet fuq il-lasta. Iżda Senglea fl-ewwel attakk tagħhom fetħu l-iskor meta Rene CASERES irċieva ballun fl-ispazju, dar ma’ Rudy Briffa u b’xutt fil-baxx laħaq għadda l-ballun qabel id-difensur avversarji.
Senglea setgħu rduppjaw fl-10 minuta meta Caseres qassam lil Braga li kkonkluda fil-baxx, iżda x-xutt tiegħu għadda ftit barra. Hibernians ġabu d-draw mal-kwarta logħob meta r-referee Alan Mario Sant ordna penalty meta ġġudika li Ian Azzopardi mess il-ballun b’idu wara kross ta’ Moreira. Mill-11-il metru Clayton FAILLA għeleb lil Matthew Farrugia.
It-tim ta’ Favaretto kien għoddu ġab id-draw fil-25 minuta meta minn free-kick fuq it-tieni lasta, Sergio Uyi krossja bir-ras għan-nofs lejn Rene Caseres li għeleb lil Briffa b’daqqa ta’ ras oħra, iżda l-assistent referee Peter Abela għolla l-bandiera għal offside.
Hibernians marru fil-vantaġġ fil-41 minuta meta minn korner mil-lemin ta’ Clayton Failla, Joao MOREIRA rebaħ dwell fil-kaxxa u b’xutt mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Matthew Farrugia. Reazzjoni immedjata ta’ Senglea, permezz ta’ Terence Vella li laqat il-wieqfa min-naħa ta’ barra.
Is-sostitut Jackson Lima mar qrib li jkabbar l-iskor fit-63 minuta bix-xutt fil-baxx tiegħu jgħaddi barra. Madankollu żewġ minuti wara, Hibernians għamluhom tlieta. Kien Johann Bezzina li fetaħ vertikalment tajjeb lejn Jurgen DEGABRIELE li minn quddiem Farrugia skorja b’xutt fil-baxx.
Il-logħba kienet mitmuma, b’Hibernians jikkontrollaw tajjeb. Moreira kellu ċans li jżid l-iskor kwarta mit-tmiem iżda xeħet għoli mill-viċin. Senglea setgħu daħlu fil-logħba fis-87 minuta meta s-sostitut Brian Volpini xxuttja f’Rudy Briffa minn qagħda ideali.
Hibernians skorjaw ir-raba’ gowl ftit sekondi wara meta Dunstan VELLA għeleb lil Farrugia b’xutt li ħabat mal-wieqfa qabel daħal fix-xibka. Kien għad fadal ħin għal gowl ieħor hekk kif is-sostitut Arlindo OLIVEIRA NETO għeleb lil Farrugia mill-viċin.
//= $special ?>