Stewart Said
LIJA A………………..1
VALLETTA………..3
Valletta għamlu dak li kien mistenni minnhom meta b’wirja pożittiva għelbu lit-tim tal-qiegħ Lija Athletic biex issa jinsabu punt biss taħt il-leaders Balzan. Il-Beltin li rritornaw għar-rebħ, iddominaw il-logħba b’għadd ta’ azzjonijiet li fih l-iskor seta’ kien akbar.
Bidla waħda għal Danilo Doncic mid-draw kontra Balzan. Steve Borg irritorna minn sospensjoni u daħal fil-qalba tad-difiża flok Juan Cruz Gill. Fuq in-naħa l-oħra, erba’ bidliet għal kowċ Joseph Galea.
Predrag Babic, McAllister Clinch, Dylan Agius u Raphael Kooh Sohna bdew flok Carl Cassar, Ousmane Sidibe, Aaron Sammut u Ryan Sammut.
Valletta laqtu l-lasta wara żewġ minuti b’xutt b’saħħtu ta’ Matteo Piciollo. Mal-kwarta logħob, Luke Bonnici kien attent biex salva xutt mill-viċin ta’ Albert Prosa wara free-kick ta’ Miguel Alba.
Aktar attakki Beltin u fl-24 minuta reġa’ kien Bonnici li salva darbtejn tajjeb xuttijiet ta’ Piciollo u Malano. Bonnici kompla jispikka meta dawwar f’korner xutt ta’ Enmy Pena Beltre.
Ir-reżistenza ta’ Lija ntemmet fl-34 minuta meta Valletta marru minn fuq. Kien kross ta’ Matteo Piciollo għan-nofs, daħal tajjeb Albert PROSA li mattar saqajh biex għeleb lil Bonnici. Il-Beltin reġgħu laqtu l-lasta fit-43 minuta meta Malano għadda lejn Piciollo li qabeż lil Bonnici iżda laqat il-wieqfa.
Valletta rduppjaw fil-65 minuta meta Miguel ALBA rċieva mil-lemin mingħand Enmy Pena Beltre, u b’xutt fil-baxx fir-rokna xellugija għeleb lil Luke Bonnici. Il-Beltin komplew iżidu l-iskor tmien minuti wara meta reġa’ kien Miguel ALBA li rċieva mil-lemin u b’azzjoni veloċi għeleb lil Bonnici b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.
Bil-partita mitmuma, Valletta komplew jamministraw il-logħba u fit-83 minuta s-sostitut Denni Rocha dos Santos prova b’xutt fil-baxx li kien imdawwar f’korner minn Bonnici. Erba’ minuti wara xutt ta’ Piciollo għadda fuq il-lasta.
Kien għad fadal ħin biex tal-anqas Lija jiskorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fil-91 minuta bi free-kick angolat fuq it-tieni lasta ta’ Erjon BEU li ħasad lil Bonello.
//= $special ?>