Voluntiera kien ilhom għal kważi sena jippruvaw jaqbdu lil Bebby, kelba li kien ilha tant tiġġerra madwar il-Qawra u Kennedy Grove.
Iżda l-voluntiera ma qatgħux qalbhom, minkejja diversi tentattivi li fallew, u lbieraħ il-paċenzja tagħhom ippremjathom u Bebby ġiet salvata wara ħidma minn sitt persuni. Uħud minnhom saħansitra qamu fil-ħamsa tal-bieraħ filgħodu biex iwettqu dan is-salvataġġ, li sar biss meta kellhom garanzija li kien hemm post għal din il-kelba.
Dalgħodu, il-ħidma tagħhom tat il-frott hekk kif Bebby welldet ġeru. Dan fl-istess waqt li qed tinżamm għall-irdoss, komda għas-sħana u fuq it-twapet għand is-santwarju tal-klieb ta’ Noah’s Ark.



