Lokali

Muscat kellu jbiddel il-pjan biex jagħmel iċ-ċaqliq fil-Kabinett

It-tibdil li għamel Adrian Delia fix-Shadow Cabinet intlaqa’ b’mod mill-aktar pożittiv

Il-bidla tant mistennija fil-kabinet ta’ Joseph Muscat baqgħet ma seħħitx u issa li kien il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li għamel reshuffle qabel il-Prtim Ministru, qed iwassal biex Muscat jieħu pass lura u jbiddel il-pjani li kellu.

L-esponenti ewlenin f’Kastilja u anki t-Tmexxija tal-Partit Laburista fil-Ħamrun fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet filwaqt li kienu qed jistennew li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista se jħabbar xi tip ta’ reshuffle fix-Shadow Cabinet, ma kinux qed jistennew tali reshuffle li mhux biss saret b’għaqal kbir, iżda kienet waħda li niżlet tajjeb ħafna mal-elettorat.

Ir-reshuffle li daħħal fis-seħħ il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħasdet lit-Tmexxija tal-Gvern u tal-Partit Laburista anki għaliex ir-reazzjoni tan-nies b’mod inġenerali kienet waħda mill-aktar pożittiva.

Din ir-reshuffle mħabbra uffiċjalment is-Sibt 3 ta’ Frar mhux biss intlaqgħet tajjeb mill-partitarji Nazzjonalisti iżda ttieħdet bħala twissija wkoll minn ħafna partitarji Laburisti fis-sens li Adrian Delia, bil-kalma u bil-għaqal, qiegħed jirnexxilu jmexxi l-mod ġdid li wiegħed billi jkun inklussiv.
Ir-reazzjoni ġenerali tan-Nazzjonalisti u Laburisti fuq is-siti soċjali kienet li Adrian Delia jaf tajjeb x’inhu jagħmel, jaf fejn hu sejjer u qed jaħdem mingħajr ħafna daqq ta’ trombi.

Minkejja li fid-deher il-Partit Laburista – kemm bil-midja tiegħu u anki dik tal-General Workers’ Union – jipprova jagħti stampa xort’oħra għal din il-verità, is-sorsi tagħna fi ħdan il-Partit Laburista qed jgħidu li fil-każini u fil-laqgħat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista ntqal diskors li “Delia qiegħed jirnexxilu jiddeffes fostna u jitkellem il-lingwa tan-nies waqt li Joseph Muscat sar jidher biss man-negozjanti u s-sinjuri li moħħhom biss kif se jpappuha u malli ddur ir-rota jerġgħu jindiehsu mal-PN.”

Dan ix-xenarju qiegħed jikkontrasta bil-kbir mal-mod kif qiegħed jitmexxa attwalment kemm il-Gvern kif ukoll il-Partit Laburista. Filwaqt li anke l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed juri li Joseph Muscast beda jitlef l-appoġġ jidher ukoll li ma’ setturi differenti qed jitlef il-kredibbiltà.

Dan għall-fatt li qed ikompli jpinġi lill-pajjiż bħala wieħed li miexi fuq ir-rubini u fejn kollox hu ward u żahar iżda kulħadd fehem it-tattika tal-Prim Ministru li jisparpalja flus il-poplu biex jonfoħ lilu nnifsu filwaqt li l-problemi serji li għandu madwaru jipprova jitfagħhom taħt it-tapit.

It-tmexxija ta’ Muscat qed tiġi kkritikata internament għall-fatt li mhux kapaċi jieħu deċiżjonijiet meħtieġa u importanti.