Lokali Saħħa

“In-nuqqas ta’ rispett mill-Gvern wassal għal diżgwit fis-settur tas-saħħa”

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
Fi stqarrija, il-MAM tgħid li l-Gvern kiser kundizzjonijiet mill-ftehim kollettiv - u dan wassal għall-instabilita' fis-settur tas-saħħa

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi stqarrija qalet li n-nuqqas ta’ rispett u l-ksur tal-ftehim kollettiv minn naħa tal-Gvern ta’ Joseph Muscat wassal biex illum hawn nuqqas ta’ stabbilita’ fis-settur tas-saħħa.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni tat-tobba qalet li hi oġġezzjonat għan-negozjati tal-bejgħ tal-isptarijiet lil Vitals Global Healthcare sa mill-bidu tagħhom f’Marzu tal-2015, prinċiparjament għal żewġ raġunijiet: dik ta’ nuqqas ta’ esperjenza fit-tmexxija fis-settur mediku, u l-periklu li l-Gvern jeħles mir-responsabbilta’ tal-isptarijiet biex l-għan aħħari tas-settur tas-saħħa f’Malta jispiċċa wieħed li jagħmel il-flus u mhux joffri servizz lill-pubbliku. Il-MAM fakkret li tliet snin ilu, kien hemm segretezza sħiħa minn naħa tal-Gvern dwar il-kontenut tal-kuntratti.

F’Diċembru tal-2015, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-Gvern bdew jinnegozjaw ma’ Vitals Global Healthcare dwar dawn il-kuntratti – iżda hekk kif ħareġ l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers li fih kien involut il-Ministru Konrad Mizzi b’kumpanija sigrieta’ fil-Panama, il-MAM kienet irtirat minn dawn id-diskussjonijiet.

Sena wara – jiġifieri f’Diċembru tal-2016, il-MAM flimkien mal-UĦM Voice of the Workers kitbu lill-Public Accounts Committee, fejn din tal-aħħar talbet lill-Awditur Ġenerali jinvestiga dawn il-kuntratti bejn il-Gvern u Vitals Global Healthcare tal-bejgħ tal-isptarijiet. Madanakollu, l-istqarrija tal-MAM tgħid li minkejja din it-talba, l-Awditur Ġenerali falla mill-jagħmel din l-inkjesta prijorita’.

Imbagħad, f’Mejju tal-2017 il-Gvern kien żied mal-ftehim kollettiv ġdid numru ta’ miżuri li kellhom jassiguraw il-privatizazzjoni tal-isptarijiet – li partikolarment jinkludu li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija tkun infurmata bil-bejgħ tal-isptarijiet fi żmien ta’ sitt ġimgħat qabel isir il-ftehim tal-bejgħ. L-istqarrija ttenni li kien hawnhekk fejn falla l-Gvern, hekk kif il-ksur u n-nuqqas ta’ rispett lejn il-ftehim kollettiv minn naħa tal-Gvern ta’ Joseph Muscat kien li wassal għal dan it-tilwim.

Illejla se ssir laqgħa bejn il-MAM u l-Gvern biex jippruvaw isibu soluzzjoni għad-diżgwit preżenti.

Intant, illum fil-programm Net Live se jsir dibattitu li fih se jkunu trattati dwan l-iżviluppi u t-tilwima industrijali li hemm bejn il-Gvern u t-tobba. Preżenti fl-istudios ta’ Net Television, Tony Zarb u Gejtu Vella.