Numru ta’ ġenituri, qed jikkritikaw il-pjan ta’ skola pubblika elementarja biex taddotta uniformijiet għall-istudenti li huma desinjati mid-dar tal-moda tal-lussu ‘Armani’.
Skont l-aħħar rapporti, din l-iskola, fid-distrett sinjur ta’ Ginza, f’Tokjo, trid tintroduċi uniformijiet li jiswew aktar minn 80,000 yen (l-ekwivalenti ta’ 600 ewro) il-waħda.
Iżda l-ġenituri qed jilmentaw li dawn l-uniformijiet jiswew wisq flus, bil-pjan tal-Iskola Elementarja ta’ Taimei anki jispiċċa diskuss fil-Parlament Ġappuniż.
L-awtoritajiet ta’ din l-iskola, f’Novembru, kienu bagħtu ittra lill-ġenituri li fiha l-prinċipal jispjega li l-iskola kienet qed taħseb biex tibdel l-uniformi biex tirrifletti aħjar l-istatus tagħha bħala ‘simbolu’ f’Ginza.
Madankollu, il-pass qanqal kritika mingħand il-ġenituri tal-istudenti, b’oħrajn jesprimu kundanna fuq il-mezzi tal-midja soċjali, u b’uħud isostnu li l-uniformijiet tal-iskola għandhom il-għan li t-tfal li jkunu ġejjin minn familji anqas sinjuri ma jispiċċawx suġġetti għal diskriminazzjoni.
Filwaqt li student ta’ skola pubblika (fil-Ġappun) mhux suġġett li jilbes bilfors l-uniformi, ħafna studenti jagħżlu li jilbsuha biex jattendu għal-lezzjonijiet.
Polemika minħabba uniformi tal-iskola ta’ €600 ta’ Armani


