L-awtoritajiet fil-Pakistan fakkru li hu projbit fil-pajjiż li jkun hemm ċelebrazzjonijiet pubbliċi għal Jum San Valentinu fl-14 ta’ Frar. Twissija li kienet immirata speċifikament lejn il-mezzi tax-xandir fil-pajjiż.
Dawn kienu mfakkra għax l-Ogħla Qorti fil-pajjiż kienet ipprojbit ix-xandir ta’ programm jew reklami marbuta mal-festa ta’ San Valentinu. Dan jgħodd ukoll għall-ġurnali.
Fi Frar ta’ sena ilu, l-Ogħla Qorti ta’ Islamabad kienet ħarġet deċiżjoni wara rikors, li din kienet festa barranija li tippromovi l-immoralità. Il-qorti mbagħad kienet ipprojbit iċ-ċelebrazzjonijiet għal Jum San Valentinu f’postijiet pubbliċi u uffiċini tal-Gvern f’Islamabad u li ma seta’ jixxandar xejn li jippromovi din il-festa.
Id-deċiżjoni tal-qorti effettwat ħafna negozji fosthom dawk li jbiegħu l-fjuri u l-kartolini, li raw tnaqqis drastiku fil-bejgħ.
Hemm diversi Stati Pakistani li diġà kienu pprojbixxew din il-festa u saħansitra l-President tal-Pakistan Mamnoon Hussain fl-2016 kien wissa liċ-ċittadini beix ma jiċċelebrawx Jum San Valentinu peress li din mhux festa Musulmana imma xi ħaġa tal-Punent.
Projbiti fil-Pakistan ċelebrazzjonijiet pubbliċi għal Jum San Valentinu


