Lokali

Aġġornata: Il-President ta’ Malta tikkundanna l-aġir ta’ min kien insensittiv waqt il-karnival tan-Nadur

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri jiddefendi l-vann kontroversjali tan-Nadur

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ddefenda lil persuni li nhar is-Sibt li għadda ħolqu kontroversja fin-Nadur u l-media soċjali, dan hekk kif żebgħu vann b’tema li tiżżufjetta bil-kundizzjoni tal-Isptar Monte Karmeli.

Minkejja li kien hemm bosta nies u politiċi li kkundannaw dan il-vann kontroversjali, is-Segretarju Parlamentari Għawdxi qal li dan il-vann hu aċċettabbli għax irid jittieħed fil-kuntest tal-Karnival.

Il-vann li ħoloq kontroversja kellu kliem miżbugħ bħal: ‘Crazy’, ‘Dimensja’, u ‘Beware Mental Driver’ mal-bieba tal-vann. Din iċ-‘ċajta’ meqjusa goffa minn bosta wkoll kompliet ma’ faċċatta partikolari ta’ binja fin-Nadur.

Minkejja li l-Karnival tan-Nadur hu magħruf li joħloq kontroversji kull sena, dan il-vann qajjem furur mal-pubbliku wara li qed titqajjem kuxjenza dwar il-mard mentali u l-bżonn li l-istigma marbuta mal-mard mentali tispiċċa darba għal dejjem.

Irreaġixxiet anke l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca li f’post fuq Facebook kitbet hekk;

“Mhuwiex aċċettabbli, li biex niddevertu, noffendu lil nies li għaddejjin minn diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Nikkundanna l-aġir ta’ dawk li pparteċipaw fil-Karnival tan-Nadur b’mod irresponsabbli u insensittiv. Nuri solidarjetà ma’ dawk kollha, u l-familjari tagħhom, li għaddejjin minn dawn id-diffikultajiet f’pajjiżna. Ejjew ningħaqdu bħala poplu, biex ngħinu lil dawn ħutna, ħalli l-istigma f’pajjiżna fuq is-saħħa mentali, tispiċċa darba għal dejjem”