Lokali Saħħa

“Il-MAM ġew jaqgħu u jqumu mill-pazjenti” – Tony Zarb

L-eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Tony Zarb sostna illi t-tobba li strajkjaw minħabba nuqqas ta’ qbil serju dwar il-ftehim tal-Gvern mal-VGH “abbandunaw lill-pazjent u ġew jaqgħu u jqumu minnhom.”

Waqt li kien f’dibattitu mal-eks Segretarju Ġenerali tal-UĦM Gejtu Vella fuq il-programm NET Live, Zarb qal illi dawk li pparteċipaw fl-istrajk kienu qed jiksru l-ġurament li ħadu biex jissalvagwardjaw lill-pazjent.

“Ħallewhom lampa stampa lill-pazjenti”, sostna Tony Zarb. Vella qal li dak li kien qed jgħid Zarb kien żbaljat u li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) kellha u għandha kull dritt tagħmel strajk.

Fl-istess dibattitu, Tony Zarb ma wieġeb xejn dwar il-miljuni li ħadu l-VGH u l-ħofra li ħallew fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Ma wieġeb xejn lanqas dwar jekk jarahiex stramba li l-VGH qabdu u telqu, u trasferixxew kollox lil Steward Healthcare.