Wied Għomor jinsab taħt assedju hekk kif fl-aħħar xhur għand l-Awtorità tal-Ippjanar daħlet sensiela ta’ applikazzjonijiet għal żvilupp, ħafna minnhom għal binjiet residenzjali.
Biss biss fl-aħħar sena, ittieħdet deċiżjoni fuq seba’ applikazzjonijiet f’post li hu barra miż-żona tal-iżvilupp waqt li tnejn oħra kienu rtirati mis-sidien stess.
Numru minn dawn l-applikazzjonijiet ġew rifjutati mill-Awtorità, madankollu l-applikanti appellaw mid-deċiżjoni. Fost l-applikazzjonijiet hemm proposta ta’ eko turiżmu li jekk tiġi aċċettata għandha tieħu żona konsiderevoli.
F’kummenti lill-midja, is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat spjega d-diffikultà biex il-Kunsill Lokali jlaħħaq mas-sensiela ta’ applikazzjonijiet.
Fost l-oħrajn il-kunsill qed jappella kontra proposta ta’ residenza għall-anzjani b’133 kamra residenzjali f’barriera. Dan hu biss wieħed minn ħames każi taħt stadju ta’ appell li l-Kunsill Lokali tas-Swieqi qed joġġezzjona għalihom.
It-tħassib hu għaliex dan il-wied hu wieħed mill-uniċi spazji miftuħa li fadal fiż-żona, li hi skedata minħabba l-importanza ekoloġika u xjentifika tagħha.
//= $special ?>

