Lokali

150 kilogramma droga sekwestrata minn fuq vapur tal-merkanzija f’Malta

Ritratt mill-Arkivji

150 kilo droga maħsuba kannabis u lesta biex tiġi traffikata ġiet sekwestrata minn fuq vapur tal-merkanzija li daħal f’pajjiżna fl-aħħar sigħat.

Is-sejba saret it-Tnejn filgħaxija f’ħidma konġunta bejn membri mill-iskwadra ta’ kontra il-Vizzju tad-Droga u b’assistenza minn uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta abbord il-vapur li huwa reġistrat il-Panama.

Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li r-rotta ta’ dan il-vapur kienet tinkludi diversi pajjiżi minn madwar id-dinja. Dan ġie spezzjonat f’pajjiżna u nstabu numru ta’ paketti mdawrin bil-plastik li rriżulta li kienu mimlija droga

Mill-investigazzjonijiet li saru s’issa ma jidhirx li din id-droga kienet għas-suq lokali għalkemm l-investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward il-każ għadhom għaddejjin.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Yana Micallef Stafrace li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.