Klassi sħiħa ta’ studenti fi skola Primarja fil-Mosta ilhom għal xi żmien mingħajr għalliem – bis-soluzzjoni tas-Surmast tal-iskola tkun li jqassam lil din il-klassi tfal ta’ tmien snin fi klassijiet ta’ snin aktar avvanzati minnhom.
Fir-raba’ sena tal-Primarja tal-kulleġġ Maria Reġina, hemm b’kollox ħames klassijiet – iżda waħda minn dawn il-klassijiet, li fiha hemm 24 tifel u tifla li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn s-seba’ u t-tmien snin ilhom għal xi żmien mingħajr għalliem stabbli magħhom. Is-sitwazzjoni tant hi fi stat ħażin, li s-Surmast tal-iskola propona li dawn it-tfal jitqassmu fi klassijiet oħra bil-possibilta’ li xi wħud jistgħu jispiċċaw fi klassijiet ta’ snin akbar minnhom – bil-konsegwenza li ma jagħmlux is-sillabu tagħhom. Għaldaqstant, numru kbir ta’ ġenituri jinsabu rrabjati li t-tfal tagħhom qed imorru l-iskola biex ma jagħmlu xejn ġurnata sħiħa.
L-istorja bdiet tiżvolġi meta l-għalliema li kienet mal-klassi 4.1 tal-iskola Primarja, bdiet tfalli milli tmur l-iskola f’Novembru tas-sena li għaddiet. Għal dan in-nuqqas, il-ġenituri marru jitkellmu mas-surmast tal-iskola dwar din l-għalliema partikolari, fejn sar magħruf li din tal-aħħar kienet tqila u filfatt ftit wara waqfet milli tgħallem minħabba t-tqala tagħha. Kollox deher li kien se jmur ħarir meta t-tfal irritornaw lura għall-iskola mill-vaganzi tal-Milied fit-8 ta’ Jannar, hekk kif ġie maħtur għalliem ġdid. L-istudenti kienu diġa’ qegħdin jidraw is-sitema tal-għalliem il-ġdid tagħhom, u saħansitra xi ġenituri u nanniet kienu ltaqgħu miegħu f’attivita’ li saret mill-iskola stess.
Iżda wara li dan l-istess għalliem ġdid ma bediex jitfaċċa għall-iskola hu wkoll, is-Surmast sejjaħ għal-laqgħa mal-ġenituri hekk kif dan l-għalliem qabad u rreżenja mingħajr ebda raġuni. Għaldaqstant, peress li kien ilu jaħdem biss tliet ġimgħat fl-iskola tal-Mosta, ma kienx obligat li jagħti notice u t-tfal reġgħu spiċċaw bla għalliem.
Ir-raba’ sena tal-iskola Primarja hi sena importanti hekk kif l-istudenti jkollhom l-ewwel esperjenza ta’ eżamijiet – u filfatt fil-bidu ta’ Frar dawn it-tfal kellhom jagħmlu l-eżamijiet, minkejja li kienu ilhom għal żmien twil mingħajr ma jkollhom għalliem stabbli jgħallimhom.
Tant kemm is-sitwazzjoni ta’ dawn it-tfal spiċċat redikola, li kienu l-LSAs li spiċċaw jaħdmu l-past papers mat-tfal – irwol li mhux sippost hu tagħhom fl-edukazzjoni tat-tfal. Din ir-responsabbilta’ tat-tagħlim waqgħet f’idejn l-LSAs sakemm it-tfal ġew biex joħorġu għall-festi tal-Karnival – iżda issa meta nhar l-Erbgħa jidħlu lura għal-iskola, il-ġenituri u t-tfal qegħdin jistennew sorpriża.
Dan hekk kif waqt din il-laqgħa s-Surmast tal-iskola tal-Mosta qal lill-ġenituri tat-tfal mingħajr għalliem li minn wara l-festi tal-Karnival it-tfal se jibdew jitqassmu ma’ klassijiet oħra – ma’ dawk li jinsabu fir-raba’ u l-ħames sena. Dan ifisser li filwaqt li se jkun hemm min minn dawn it-tfal tal-klassi mingħajr għalliem li se jkunu qed jieħdu l-lezzjonijiet fi klassijiet oħra tar-raba’ sena, se jkun hemm tfal li se jitqassmu fi klassijiet tal-ħames u s-sitt sena – jiġifieri se jkunu qegħdin bilqegħda ma jagħmlu xejn ħlief jaħlu l-ħin għax ma jkunux jistgħu jsegwu s-sillabu li hu snin aktar avvanzat għalihom.
Il-ġenituri, li ma kienux kuntenti bil-proposta tas-Surmast, tkellmu mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex jilmentaw, fejn il-kelliem għal dan il-Ministeru farfar ukoll mir-responsabbilta’ fuq il-Prinċipal.
Għaldaqstant, hekk kif din l-iskema li t-tfal tal-klassi mingħajr għalliem jitqassmu fi klassijiet oħra bil-possibilta’ li jispiċċaw fi klassijiet ta’ sena akbar, il-ġenituri oġġezzjonaw u talbu li ssir laqgħa mal-Prinċipal – li hu nkarigat bit-tmexxija ta’ total ta’ sitt kulleġġi li jinsabu fil-Mosta, fil-Għargħur, fin-Naxxar, u f’San Pawl il-Baħar.
Din il-laqgħa damet madwar siegħa u nofs, iżda ġenituri li tkellmu magħna qalu li din il-laqgħa ma ħalliet l-ebda frott – hekk kif soluzzjoni ovvja li propona dan il-Prinċipal kien li tiġi għalliema għal dawn it-tfal. Iżda wara żied ukoll li għalliem disponibbli li jgħallem lil dawn it-tfal m’hawnx.
Ġenituri li jinsabu inkwetati dwar din is-sitwazzjoni, tkellmu ma’ NET News u staqsew x’inhi r-raġuni li għandhom jibgħatu lit-tfal tagħhom l-iskola meta dawn se jkunu fi klassijiet ma’ tfal oħra li jinsabu sena jew sentejn aktar avvanzati minnhom? B’ċertu rabja għan-nuqqas mill-iskola tal-Gvern, il-ġenituri tennew li huma jippretendu li t-tfal tagħhom jingħataw is-servizz tal-edukazzjoni bħal tfal oħra madwar Malta u Għawdex. Għalfejn it-tfal se jeħlu għan-nuqqas tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li jipprovdi għalliem għal dawn it-tfal? Iżda għal dawn id-dubji u l-mistoqsijiet raġjonevoli tal-ġenituri lill-Prinċipal, dan tal-aħħar irrisponda li l-ġenituri m’għandhomx għalfejn jinkwetaw.
Il-ġenituri li tkellmu ma’ NET News qalu li s-sitwazzjoni issa eskalat, dan hekk kif it-tfal ta’ tmien snin għamlu l-eżamijiet mingħajr għalliem, u wkoll tilfu numru konsiderevoli ta’ lezzjonijiet u żmien li mhux se jkunu jistgħu jirkuprawh. Stqarru li huma bħala ġenituri ma jistgħux jispjegaw u jieħdu post l-għalliem, dan hekk kif huma mhumiex kwalifikati u esperjenzati li jgħallmu bl-istess mod li għalliem sippost jagħllem skont is-sillabu u bil-metodu kif sippost. Huma insistew: “x’għandhom it-tfal tagħna inqas minn ta’ ħaddieħor, u għalfejn huma t-tfal tagħna li se tkun aktar diffiċli għalihom biex ileħħqu ma’ tfal oħra li jinsabu fl-istess sena iżda għandhom għalliem?”.
Il-Prinċipal jidher li informa lill-ġenituri li kien hemm żewġ għalliema li applikaw biex jidħlu jaħdmu fl-iskola tal-Mosta, iżda meta ġew offruti dan ix-xogħol huma bidlu fehmthom u rrifjutaw.
L-aħħar żvilupp hu li sal-ġimgħa l-oħra, il-Ministru Evarist Bartolo ġie jżur l-iskola Primarja A, li tinsab eżatt fuq l-istess bankina tal-iskola Primarja B fejn hemm in-nuqqas ta’ għalliema. Dakinhar, jidher li xi ġenituri marru jkellmu lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, fejn dan tal-aħħar talabhom iċċemplulu dak il-ħin stess fuq il-mobile biex ikun jaf in-numru tagħha, bil-patt li l-għada hu personalment jċempillha lura biex jaħdem u jsolvi din is-sitwazzjoni. Madanakollu, il-Ministru qatt ma ċempel lura.
//= $special ?>