Lokali Saħħa

Bżonn ta’ aktar laqgħat bejn il-Gvern u l-MAM; l-azzjonijiet industrijali jibqgħu fis-seħħ

Il-Gvern u l-Union tat-Tobba (MAM) mistennija jkomplu bil-laqgħat għada l-Erbgħa wkoll wara laqgħa inkonklussiva li nżammet ilbieraħ filgħaxija fil-Ministeru tas-Saħħa.

Fl-istess waqt, il-MAM qalet li l-azzjonijiet industrijali ppjanati għall-Ħamis u l-Ġimgħa ma kienux sospiżi, minkejja dak meqjus bħala “ftit progress” bejn iż-żewġ naħat.

Dan qalu s-Segretarju Ġenerali tal-MAM Martin Balzan f’kumment lill-media fi tmiem il-laqgħa wara l-kwistjoni mal-Gvern dwar il-mod kif tliet Sptarijiet lokali ġew trasferiti minn Vitals Global Healthcare għal għand Steward Healtchare.

Min-naħa tagħha, il-MAM qed tkompli ssostni l-punt tagħha li l-Gvern m’għandux jaċċetta li dan il-ftehim jidħol fis-seħħ mingħajr ma ssir konsultazzjoni magħha u ma’ entitajiet oħrajn li jintlaqtu mill-ftehim.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM kien ikkwotat li l-pożizzjoni tal-Union baqgħet soda u li matul il-laqgħa, enfasizzat il-proposti tagħha dwar din is-sitwazzjoni.