Futbol Sport

CHAMPIONS LEAGUE – L-Ingliżi b’riżultati pożittivi barra minn darhom

Harry Kane jiskurja kontra Juventus fid-draw ta' 2-2

Tottenham u Manchester City kisbu riżultati ferm pożittivi barra minn darhom kontra Juventus u Basel rispettivament fl-ewwel leg tal-fażi tal-aħħar 16 taċ-Champions League.

F’Turin Juventus kellhom bidu tal-ħolm kontra l-Ispurs meta wara biss minuta fetħu l-iskor permezz ta’ HIGUAIN li ħasad lill-gowlkiper b’volley mill-isbaħ minn azzjoni ta’ free kick. Kollox kompla ġej tajjeb għaċ-champions Taljani meta fid-disa’ minuta ngħataw penalty hekk kif Ben Davies waqqa’ lil Federico Bernardeschi fil-kaxxa. Mill-11-il metru HIGUAIN reġa’ għeleb lil Lloris għat-2-0.

Fis-26 minuta waslet l-ewwel reazzjoni ta’ Tottenham meta Harry Kane kellu daqqa ta’ ras salvata b’mod brillanti minn Buffon. Madankollu KANE kellu jistenna 10 minuta oħra biex din id-darba għeleb lil Buffon.
Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima Juventus ingħataw penalty ieħor din id-darba wara li Auriera waqqa’ lil Douglas Costa fil-kaxxa. Higuain naqas milli jgħaqqad il-hat-trick meta ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jistampa mal-mimduda. Tottenham għamlu kuraġġ u ħarġu fuq l-attakk fit-tieni taqsima u 20 minuta mit-tmiem dawn ġabu d-draw. ERIKSEN skurja minn free kick dirett billi żamm il-ballun baxx wara fawl ta’ Chiellini fuq Dele Alli.

Dan hu draw prezzjuż għal Tottenham li issa jilagħbu t-tieni leg f’Wembley fis-7 ta’ Marzu.

Fil-logħba l-oħra Man City għamlu dak li kien mistenni minnhom u jinsabu b’sieq fil-fażi li jmiss wara li rebħu 4-0 barra minn darhom kontra Basel. Huma marru fil-vantaġġ fl-14-il minuta meta minn azzjoni ta’ corner GUNDOGAN skurja b’daqqa ta’ ras.

Il-liders tal-Premiership komplew jagħfsu u erba’ minuti wara kien Bernardo SILVA li żied ieħor mal-iskor. Ir-reazzjoni tal-Iżvizzeri ma waslet qatt u Man City daħlu jistrieħu tliet gowls minn fuq b’gowl tas-solitu AGUERO li sab ix-xibka fit-23 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa.

L-andament tat-tieni taqsima baqa’ l-istess u wara biss tmien minuti reġa’ kien GUNDOGAN li skurja, din id-darba b’xutt minn barra l-kaxxa.