Membri Parlamentari bħal Edward Zammit Lewis u Manwel Mallia, li minkejja r-relazzjoni personali ma’ Joseph Muscast u martu Michelle spiċċaw back benchers, kulma jmur qed ikomplu joqomsu u juru l-għadab tagħhom ‘għall-mod kif ġew trattati’ man-nies l-aktar viċin tagħhom.
Edward Zammit Lewis ma jiddejjaqx jgħid li wara li kien hu li deher ikrah minħabba fl-AirMalta bir-riżultat li ma kienx elett mill-ewwel fl-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju li għadda issa spiċċa mingħajr poltafol.
F’ristorant li fih kien qed jiekol platt għaġin ma kollega tiegħu, Zammit Lewis instema jilmenta li jekk jibqa barra mill-kabinet lanqas joħroġ għall-elezzjoni li jmiss – “Dażgur għax jien mhux Konrad!”
Jirriżulta li lil Zammit Lewis qed jgħidulu biex joħroġ għal MEP sabiex jagħlqulu ħalqu iżda hu jidher li ma jridx għaliex jingħad li diġa spiċċa mingġajr paga ta’ Ministru u tilef ħafna klijenti. “Tal-Airmalta għamlitli wisq ħsara fil-professjoni,” isostni l-ex Ministru li spiċċa jittewweb.
Il-pressjoni ta’ Edward Zammit Lewis u dawk ta’ madwaru hi li l-Prim Ministru jmessu jaf tajjeb li hu dejjem kien leali u viċin tiegħu u u ta’ martu u “għalhekk il-Prim għandu jagħmel it-taqlib meħtieġ fi ħdan il-Kabinett biex hu jerġa’ jirritorna bħala Ministru.”
Il-biża’ tal-istess Edward Zammit Lewis hi biss li kemm-il darba l-Prim Ministru jdabbar rasu, kif wiegħed li se jagħmel matul is-sena d-dieħla, allura hu mbagħad ikun f’pożizzjoni diffiċli ferm aktar biex jerġa’ jsib postu fil-Kabinett.
“Ma titħajjarx toħroġ għal mexxej,” qallu dak li kien miegħu, iżda Zammit Lewis jidher li jaf li mingħajr l-appoġġ tal-familja Muscat mhux se jasal imkien.
Zammit Lewis u Manwel Mallia fost l-aktar deputati diżappuntati … jibqgħu jittamaw f’reshuffle bit-tama li jsibu posthom lura bħala Ministri
Id-diżappunt ta’ Edward Zammit Lewis fi ħdan il-Grupp Parlamentari Laburista ma hux wieħed iżolat. Miegħu wkoll hemm l-eks Ministru Manwel Mallia li wkoll qed jistenna bil-ħerqa li jerġa’ jinħatar fil-Kabinett ta’ Muscat.
Manwel Mallia u dawk ta’ madwaru qed jinsistu li l-Prim Ministru jmessu jaf tajjeb kemm għamel sagrifiċju meta minn avukat prominenti Nazzjonalista qaleb u ħareġ mal-Lejber.
Manuel Mallia jinsab diżilluż li l-moviment ta’ Muscat ma kien xejn għajr paraventu biex ‘ċertu nies’ jissaħħu u jkabbru l-poltafol tagħhom.
Mallia jħoss li kellu parti prominenti biex ikkonvinċa mijiet ta’ nazzjonalisti jafdaw lil Muscat iżda issa spiċċa b’xejn. F’Kastilja lil Mallia jgħidulu li kollu tort tax-xufier tiegħu li kien spara f’nofs tas-Sliema iżda Manuel Mallia ma jridx jaf u ma ċirku ristrett isostni li meta jidhirlu jgħid li għandu jgħid.
Kollox jidher li Joseph Muscat se jibqa jipposponi r-reshuffle tant mistennija biex issa ma jidhirx li qed jimxi fuq il-passi tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, iżda dan se jkompli joħloqlu inkwiet intern.
Persuna qrib ħafna tal-Prim Ministru b’kariga għolja ħafna fiċ-Ċivil qalet ma’ żewġ uffiċjali oħra waqt laqgħa dwar il-Baġit li jkun aħjar jekk il-Prim jagħmel reshuffle issa jekk behsibu jitlaq is-sena d-dieħla, dan biex ma jidhirx qed imponi kabinett ġdid fuq ta’ warajh.
//= $special ?>