Lokali

FILMAT: Hit & Run fuq karozza ta’ student ta’ 19-il sena f’Birkirkara

Żagħżugħ ta’ 19-il sena li għadu jistudja u f’Novembru li għadda xtara karozza tat-tip Volkswagen Polo ra flusu kollha jmorru għar-rimi wara każ ta’ hit & run fi Triq in-Naxxar, f’Birkirkara.

Kien it-Tnejn filgħodu, għall-ħabta tas-00:50, li vettura aktarx tat-tip Mazda Demio jew Mazda 2 tal-kulur oranġjo baqgħet dieħla fil-vettura taż-żagħżugħ u kkawżatilha ħsarat kbar.

Agħar minn hekk, bid-daqqa l-vettura tiegħu spiċċat imbuttata fuq il-vettura ta’ quddiem, karozza tat-tip Honda Fit, u wkoll ikkawżatilha ħsara.

Iżda minkejja dan kollu, mill-filmati ta’ kameras tas-sigurtà jidher ix-xufier jirriversja u jitlaq mill-post. U minkejja li bil-liġi, fi żmien 24 siegħa seta’ mar jirraporta li kien hu u jaqgħu l-akkużi ta’ hit & run, ma għamilx dan.

Dwar dan il-każ sar rapport lill-Pulizija li qed jinvestigaw. Iżda minħabba l-polza tal-assigurazzjoni taż-żagħżugħ, irid inqabad min għamel dan l-att kodard biex hu jingħata l-flus tal-ħsarat li ġarrab.

Għalhekk min għandu xi informazzjoni qed jintalab jagħmel kuntatt miegħu fuq 7944 7619, mal-Pulizija jew inkella jgħaddi d-dettalji lil dan is-sit, dejjem taħt garanzija li jibqa’ anonimu.