Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq komunista, Kim Jong-un, sejjaħ għat-tisħiħ ‘tal-klima tar-rikonċiljazzjoni’ mal-Korea t’Isfel, fid-dawl tal-Olimpjadi tax-Xitwa li qed isiru fi Pyeongchang.
Kim Jong-un — li pajjiżu mexxa l-provi nukleari u missilistiċi li qajjmu t-tensjoni internazzjonali – faħħar lill-Korea t’Isfel talli laqgħet id-delegazzjoni ta’ pajjiżu għal dawn il-logħob. Dan meta oħt id-dittatur komunista, Kim Yo-jong, fl-aħħar jiem, kienet strumentali ħafna fil-proċess tal-avviċinament bejn il-Korej.
Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, sadanittant, qal li l-Istati Uniti hi ‘disposta’ li titkellem mar-reġim fi Pyongyang. Hu ma elaborax dwar dan u mhux eskluż li seta’ kien qed jirreferi għal rimarka speċifika mingħand il-Viċi-President Amerikan, Mike Pence,waqt li kien qed jirritorna lejn Washington mil-logħob fi Pyeongchang.
Waqt li l-parteċipazzjoni tal-Korea komunista f’dawn l-Olimpjadi għenet tixpruna t-titjib fir-relazzjonijiet tagħha ma’ Seoul, hemm ukoll osservaturi li jemmnu li ‘il-Korea ta’ Fuq irnexxielha tisfrutta s-sitwazzjoni għal rebħa f’termini ta’ propaganda’.
Sadanittant, Kim Jong-un irringrazzja lill-Korea t’Isfel talli ‘tat priorità speċjali’ lill-parteċipazzjoni tal-Korea ta’ Fuq fi Pyeongchang, filwaqt li ħareġ ‘bi struzzjonijiet importanti għat-tkattir tal-klima tar-rikonċiljazzjoni u djalogu inter-Korean’.
Id-delegazzjoni tal-Korea ta’Fuq fi Pyeongchang – fejn minbarra Kim Yo-jong, spikkat ukoll il-preżenza tal-Kim Yong-nam, il-Kap ċerimonali tal-Korea ta’ Fuq – kienet l-aktar waħda ta’ livell għoli li qatt żaret il-Korea t’Isfel mill-Gwerra Koreana tas-snin ħamsin.
Minn dak iż-żmien, il-Korej ma ffirmaw qatt trattat ta’ paċi, waqt li d-dehra ta’ oħt Kim Jong-un għall-Olimpjadi kienet kritikata ferm peress li isimha jidher fuq lista tas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti dwar allegati rabtiet ma’ abbużi kontra l-bniedem fil-Korea ta’ Fuq.
//= $special ?>

