Sport Waterpolo

Il-parteċipazzjoni fil-LEN Europa Cup se sservi ta’ preparazzjoni għal kontra l-Belarus – Joe Caruana Curran

Mix-xellug: L-assistent kowċ Anthony Farrugia, il-kowċ nazzjonali Karl Izzo, il-President tal-ASA Joe Caruana Curran, is-Segretarju Ġenerali Rita Azzopardi u l-Viċi-President Karl Galea

It-tim nazzjonali Malti se jkun qed jipprepara għall-play-off għall-Kampjonat Ewropew kontra Belarus, bl-aħjar mod possibbli b’parteċipazzjoni fl-ewwel edizzjoni tal-LEN Europa Cup.

Oriġinarjament it-tim Malti ma kienx se jipparteċipa fejn minflok kien se jagħmel kamp ta’ taħriġ fil-Montenegro, iżda wara li rtiraw it-Turkija, l-ASA applikat. F’dan it-tournament se jieħdu sehem 14-il tim li se jkunu maqsuma fi tliet gruppi, bit-tim Malti se jilgħab kontra l-qawwiet tas-Serbja, il-Kroazja, il-Greċja kif ukoll l-Olanda.

Il-President tal-ASA Joe Caruana Curran qal li din hi l-aktar konferenza stampa importanti għalih kemm ilu President tal-ASA minħabba l-fatt li hemm possibbiltà li t-tim Malti jikkwalifika għat-tieni darba konsekuttiva għall-Kampjonat Ewropew.

Hu saħaq li t-tieni darba dejjem hi aktar diffiċli imma aktar importanti għaliex b’hekk ikun konsolidat il-progress ta’ Malta f’dan l-isport. Caruana Curran wera s-sodisfazzjon ukoll li f’każ li t-tim Malti jikkwalifika, l-ispejjeż se jkunu koperti kollha mill-entitajiet governattivi.

Il-kowċ Malti Karl Izzo qal li din id-darba b’ħidma bejn l-ASA u l-klabbs saret l-ewwel edizzjoni tal-Enemed Cup li ppreparat aħjar lill-plejers. Dan minħabba l-fatt li l-kampjonat Malti hu l-uniku wieħed fl-Ewropa li jsir fis-sajf.

Hu wera s-sodisfazzjon tiegħu li mit-13-il plejer magħżula, hemm ħames plejers li qed jilagħbu barra l-pajjiż. Dawn huma l-captain Malti Stevie Camilleri li qed jilgħab fil-kampjonat A2 tal-Italja ma’ Roma Nuoto, Ben Plumpton li kien qed jilgħab ma’ Posillipo fil-kampjonat A1 tal-Italja, Jeremy Abela li qed jilgħab mat-tim Spanjol Molins De Rei fl-ogħla diviżjoni Spanjola, kif ukoll Andreas Galea u Darren Zammit li qed jilagħbu fit-tieni diviżjoni tas-Serbja ma’ Dunav. Nieqes mill-iskwadra se jkun hemm Jerome Gabarretta minħabba raġunijiet ta’ xogħol.

Izzo kompla jgħid li l-Belarus huma tim żagħżugħ u veloċi, filwaqt li mmarka lil Aleksey Kuzmenko bħala l-aktar persuna perikoluża, plejer li jilgħab fl-ewwel diviżjoni fl-Ungerija.

It-tim Malti jħalli pajjiżna għada lejn il-Kroazja u jasal lura t-Tnejn, biex imbagħad il-Ħamis 22 ta’ Frar jerġa’ jħalli pajjiżna lejn il-Belarus għall-ewwel leg tal-play-offs.

Skwadra għall-Europa Cup

Nicholas Grixti (Sirens), Nicholas Bugelli (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Darren Zammit (San Ġiljan), Jeremy Abela (Neptunes), Matthew Zammit (San Ġiljan), Stevie Camilleri (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Ben Plumpton (San Ġiljan), Aurlien Cousin (Exiles), Zach Mizzi (Sliema), Dino Zammit (San Ġiljan), Jake Tanti (San Ġiljan)

Il-logħob tat-tim Malti fl-Europa Cup

Il-Ħamis 15 ta’ Frar       Malta v Serbja      5.30pm

Il-Ġimgħa 16 ta’ Frar    Olanda v Malta    10.30am

Is-Sibt 17 ta’ Frar           Greċja v Malta     5.30pm

Il-Ħadd 18 ta’ Frar        Malta v Kroazja   11.30am