Lokali

RITRATTI: Illejla l-parata tal-Karnival fil-Belt; id-defilè fil-Floriana posposta għall-Ħadd

Hekk kif it-temp fetaħ xi ftit wara l-maltemp li fl-aħħar jiem ħarbat il-programm tal-attivitajiet, il-programm qed jitkompla fil-Belt bil-parata minn diversi skejjel u gruppi taż-żfin minn Pjazza San Ġorġ sa Pjazza Teatru Rjal.

Madankollu, hekk kif tħabbar li l-isfilati tal-Karnival li tħassru fl-aħħar jiem minħabba x-xita se jsiru fi tmiem il-ġimgħa li ġej, il-Kumitat Organizzattiv ħabbar li anke d-defilè tradizzjonali li tittella’ fil-Furjana biex tagħlaq ir-Renju tal-Bluha ġiet posposta għall-Ħadd ukoll.

Dan wara li l-maltemp, li fl-aħħar jiem ma ħafirhiex lid-dilettanti tal-Karnival, wassal biex tħassru wkoll l-attivitajiet li kienu ppjanati għall-bieraħ.

L-aħbar li l-attivitajiet imħassra jsiru s-Sibt u l-Ħadd li ġejjin niżlet tajjeb mad-dilettanti, hekk kif ir-Renju tal-Bluha suppost kellu jasal fi tmiemu llejla, qabel ma għada jibda ż-żmien qaddis tar-Randan.