Futbol Sport

Illejla tirritorna l-UEFA Champions League

Tottenham b'test diffiċli barra minn darhom

Bejn illum u għada tirritorna ċ-Champions League bl-ewwel partiti tal-fażi tal-aħħar 16. Illejla Juventus jilqgħu f’darhom lil Tottenham filwaqt li Manchester City jilagħbu barra minn darhom kontra Basel.

Kemm Juventus kif ukoll Tottenham se jkunu ġejjin minn rebħiet importanti fil-kampjonat. Nhar il-Ġimgħa filgħaxija Juventus rebħu 2-0 barra minn darhom kontra Fiorentina biex momentarjament telgħu fl-ewwel post tas-Serie A imma jum wara Napoli wieġbu b’rebħa biex reġgħu qabżuhom.

Is-Sibt, Tottenham rebħu 1-0 kontra r-rivali Arsenal biex komplew bl-isfida tagħhom għar-raba’ post. Kien is-solitu Harry Kane li ddeċieda l-konfront bil-101 gowl tiegħu fil-Premiership u bla dubju se jkun l-akbar theddida għaċ-champions Taljani li din is-sena qed jimmiraw li jagħmlu pass aktar milli għamlu fl-istaġun li għadda u jirbħu l-kompetizzjoni wara li f’Ġunju li għadda tilfu l-finali kontra Real Madrid.

Juventus iridu jagħtu l-ewwel telfa lil Tottenham fiċ-Champions League dan l-istaġun jekk beħsiebhom li fit-tieni leg tas-7 ta’ Marzu f’Wembley jibdew favoriti li jikkwalifikaw.

Din se tkun l-ewwel darba li Juventus se jilagħbu kontra Tottenham f’kompetizzjoni tal-UEFA.

Fil-logħba l-oħra l-liders tal-Premiership Man City jaffrontaw lil Basel fl-Iżvizzera. Iż-żewġ timijiet se jkunu ġejjin minn rebħa fi tmiem il-ġimgħa. Basel għelbu lil Thun 2-0 u Man City rebħu 5-1 kontra Leicester bl-eroj ikun Sergio Aguero li skurja erbgħa.

Basel se jkunu qed jippruvaw jagħmluha mal-aħħar tmienja għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom imma bla dubju se tkun diffiċli għalihom kontra t-tim ta’ Pep Guardiola.

Dan tal-aħħar, meta kien għadu jmexxi lil Barcelona, kien diġa’ rebaħ 5-0 kontra l-istess Basel lura fl-2008. It-tieni leg tintlagħab fis-7 ta’ Marzu fl-Etihad Stadium.